“Huwa importanti li min hu fil-ħajja pubblika jaħdem biex jassigura li jkollna ‘policies’ li jinkludu lil kulħadd

“Huwa importanti li min hu fil-ħajja pubblika jaħdem biex jassigura li jkollna ‘policies’ li jinkludu lil kulħadd”

 

Kien dan il-messaġġ ewlieni f’diskors li l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għamlet waqt it-tnedija ta’ pubblikazzjoni intitolata ‘Public Life in Malta II’ ppubblikata mid-Dipartiment tal-Public Policy fi ħdan il-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy tal-Università ta’ Malta.

Il-President qalet li hi temmen li d-demokrazija tagħna llum tesiġi li min hu fil-ħajja pubblika għandu jassigura ambjent xieraq, sikur u rispettuż sabiex iċ-ċittadini kollha jipparteċipaw, huma min huma. Hija qalet li dan huwa l-livell li jmiss għat-tisħiħ tad-demokrazija tagħna li teħtieġ tkompli tevolvi. “Dan jista’ jsir biss b’ċittadinanza effettivament attiva”, tenniet il-President.

 

“Democracy must begin at home” – John Dewey 

Filwaqt li kkwotat lil John Dewey, filosofu Amerikan u riformatur tal-edukazzjoni, il-President qalet li hi temmen f’din l-istess teżi ta’ Dewey, dan għaliex, bħal kif jammetti kulħadd, id-dar hija l-ewwel skola u għaldaqstant id-demokrazija trid titkompla wkoll fl-iskejjel tagħna. Hawn, il-President appellat biex is-sistema edukattiva f’Malta tkun mfassla b’tali mod li toffri dak l-empowerment addattat biex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jsiru ħassieba kritiċi ħalli sussegwentement isiru ċittadini attivi u mexxejja effettivi ta’ pajjiżna.

Il-President Coleiro Preca stqarret li minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u minħabba ir-rabtiet familjari li għadhom qawwija, “il-ħajja pubblika jista’ jkollha riżultati mill-aqwa u ta’ ġid dirett għall-komunitajiet tagħna”. Jekk dan jiġri, qalet il-President, ikun aktar faċli għalina li nibnu u nsaħħu soċjetà tassew inklussiva u parteċipattiva.

 

“Nemmen li Malta tista’ tkun mudell għal ħaddieħor” 

Il-President qalet li Malta kapaċi tkun mudell għal ħaddieħor—mudell ta’ ħajja pubblika pożittiva li tissarraf f’inklużjoni, fil-parteċipazzjoni, u f’demokrazija aktar effettiva. Hija għamlet referenza għall-ħajja komunitarja tagħna, li kienet u tibqa’ waħda mill-karatteristiċi importanti u fundamentali tas-soċjetà Maltija. Il-President saħqet li d-demokrazija parlamentari tagħna nbniet u kompliet tissaħħaħ fuq din l-istess ħajja komunitarja tagħna.

Il-President qalet li l-ħajja pubblika trid tirriffletti r-rispett, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, filwaqt li qalet li hija t-tama tagħha li “l-ħajja komunitarja f’pajjiżna tgħix effettivament dawn il-valuri”.

Il-President aċċennat ukoll għal għadd kbir ta’ għaqdiet mhux governattivi “li jkomplu jsaħħu fostna l-ambjent komunitarju, għax jifformaw parti essenzjali mill-attiviżmu ċiviku”. Hija qalet li dawn l-għaqdiet jkomplu jsaħħu d-demokrazija u l-valur tas-solidarjetà, valur li għandu jiggwida lill-policymakers biex jiġi mħares l-ġid komuni fostna.

 

“Huwa d-dmir tal-politiċi, f’demokrazija effettiva, għax tħaddem l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, li jassiguraw li l-politika tagħhom tiċċentra fuq il-ġid jew wellbeing ta’ kull ċittadin” 

Il-President Coleiro Preca qalet li f’demokrazija effettiva mhemm l-ebda lok għall-interessi individwali li jimminaw il-ġid komuni, bħal kif mhemmx lok għal diskriminazzjoni, kemm fuq bażi ta’ ġeneru, etniċità, reliġjon, jew status soċjo-ekonomiku. “Mhemm l-ebda lok għal diviżjoni, jekk verament nemmnu li l-paċi u s-solidarjetà huma l-pedament ta’ soċjetà demokratika”, kompliet tgħid il-President.

 

“Dan il-ktieb ħareġ fi żmien opportune” 

B’referenza għall-pubblikazzjoni ‘Public Life in Malta II’, il-President qalet li dan il-ktieb għandu jfakkarna fuq l-urġenza biex fil-ħajja pubblika u komunitarja tagħna jkollna kultura sostenibbli ta’ solidarjetà, ta’ wellbeing, u ta’ paċi.

Fl-aħħarnett, il-President raddet ħajr lill-akkademiċi u l-istudenti kollha li kienu involuti fir-riċerka li ġiet ippubblikata fil-ktieb, u liż-żewġ edituri, Dr Mario Thomas Vassallo u Rev Dr Carmel Tabone. Hija raddet ħajr ukoll lid-Dipartiment tal-Public Policy fi ħdan il-Fakultà tal-Ekonomija, Management, u Accountancy tal-Università ta’ Malta li għaraf il-bżonn ta’ riċerka f’dawn l-oqsma tal-ħajja pubblika.

“Nemmen li flimkien irridu nkomplu naħdmu maċ-ċittadini kollha ta’ dan il-pajjiż, u b’mod partikolari mat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, biex b’dak li qed turina anke r-riċerka, minn kliem ngħaddu għall-fatti, b’risq it-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjiżna,” temmet tgħid il-President.