L-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, lbieraħ filgħaxija ppresediet kommemorazzjoni organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’, fl-okkażjoni tal-Ħamsin Anniversarju mill-kisba tad-dritt tal-Individwu għall-aċċess tal-Qorti Ewropeja għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-President qalet li dan id-dritt isaħħaħ il-prinċipju, li mhux biżżejjed li l-istat ifassal u jilleġisla favur id-drittijiet, jekk l-individwu ma jkollux aċċess effettiv għar-rimedju legali.
“Dan id-dritt”, stqarret il-President Coleiro Preca “jassigura l-prinċipju li ħadd ma’ huwa ‘il fuq mill-liġi,” u “qed jassigura wkoll, bl-aktar mod b’saħħtu il-ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem.”
Fl-okkażjoni tal-istess anniversarju ‘ta’ dan id-dritt importanti’, l-Eċċellenza Tagħha ġibdet l-attenzjoni permezz ta’ numru ta’ mistoqsijiet. Hija saqsiet fuq kemm qed jiġi assigurat li dan id-dritt jkun implimentat fl-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin. Mistoqsija oħra kienet tistaqsi fuq kemm huma nfurmati ċ-ċittadini f’Malta dwar dan id-dritt tagħhom. Il-President saqsiet ukoll fuq x’aċċess għandhom iċ-ċittadini Maltin għall-Informazzjoni dwar dan id-dritt, u min huwa responsabbli biex jagħti din l-istess informazzjoni liċ-ċittadini Maltin. L-Eċċellenza Tagħħha saqsiet ukoll fuq kif qed jiġi assigurat li min m’għandux riżorsi, jkollu aċċess għal dan ir-rimedju legali.
“Qed niġbed l-attenzjoni għal dan, għaliex minkejja li għaddew ħamsin sena mill-kisba ta’ dan id-dritt, u mill-informazzjoni li ngħatajt, kienu biss 74 ċittadin Malti li fittxew dan ir-rimedju legali, mill-1987 sas-sena 2016,” tenniet il-President Coleiro Preca, filwaqt li żiedet li mill-esperjenza tagħha, taf b’diversi każijiet ta’ ċittadini li, fil-fehma tagħha kellhom għalfejn jfittxu dan id-dritt, iżda la kellhom l-informazzjoni, u lanqas ir-riżorsi, biex jaċċessaw dan ir-rimedju legali.
Il-President aċċennat ukoll għal każijiet li nqatgħu fil-konfront ta’ pajjiżna, “biex nitgħallmu mill-effett li diversi sentenzi ta’ din il-Qorti Ewropeja kellhom fuq il-mod ta’ kif nifhmu u napplikaw il-liġi tagħna f’pajjiżna.” Hija qalet li grazzi għal ċittadini li fittxew u aċċessaw dan id-dritt, l-istat Malti kellu anke jbiddel xi liġijiet, bħal per eżempju; id-drittijiet tat-tfal imwielda barra miż-żwieġ; id-drittijiet ta’ persuni transesswali; il-kundizzjonijiet fil-ħabs; u it-trattament mill-pulizija, fost oħrajn.
L-Eċċellenza Tagħha semmiet il-fatt li għadd ta’ ċittadini Maltin għandhom problema bażika, biex jaċċessaw id-dritt li jmorru quddiem il-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet Umani – problema li mhijiex marbuta ma’ nuqqas ta’ informazzjoni, iżda hija proboema marbuta ma’ nuqqas ta’ riżorsi.
Kien hawn, li l-President Coleiro Preca faħħret l-inizjattiva tal-‘University of Malta Law Clinic’, liem inizjattiva l-President iddeskriviet bħala importanti ħafna, “mhux biss għax issaħħaħ ir-reputazzjoni tal-Universita’ ta’ Malta u tal-professjoni legali Maltija, iżda wkoll, għaliex hija entita’ maħsuba biex tipprovdi l-assistenza u d-direzzjoni, għall-aċċess effettiv ta’ dan ir-rimedju legali għal dawk li m’għandhomx il-mezzi.”
Filwaqt li faħħret ukoll il-fatt li l-istudenti qed jipprovdu għajnuna legali b’xejn, il-President qalet li il-Law Clinic huwa mezz ta’ kif l-individwi bla riżorsi jistgħu jkollhom aċċess għall-ġustizzja, jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom, u jfittxu rimedju biex ipatti għall-inġustizzji li jsofru.
“Irrid ninnota b’sodisfazzjon ukoll li, bħala mezz ta’ tagħlim tal-ligi, il-Law Clinic huwa, ukoll, għodda effettiva biex tħeġġeġ il-professjonisti, jħaddnu l-valur tal-kuxjenza soċjali, bħala valur intrinsiku tal-professjoni legali,” kompliet ttenni l-Eċċellenza Tagħha.
Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-fundaturi tal-Law Clinic, li għarrfu wkoll jpoġġu l-Universita’ ta’ Malta, fuq livell globali, bħala parti minn Moviment internazzjonali, filwaqt li ferħet ukoll lil dawk kollha li għamlu din l-inizjattiva realta’; lil Dr David Zammit u t-team tiegħu fi ħdan il-fakulta’ tal-Liġi, il-Cottonera Resource Centre, u l-Kamra tal-Avukati. Hija rringrazzjathom wkoll għad-dedikazjoni tagħhom, lejn din il-kultura tas-solidarjeta’, fi ħdan il-professjoni legali.
“Nista’ nassigurakom li, bis-saħħa ta’ dan il-Law Clinic u ħidmietkom, l-uffiċċju tiegħi għandu serħan tal-moħħ li dawk fostna li m’għandhomx l-informazzjoni u/jew l-mezzi biex jaċċessaw din l-istanza legali Ewropeja, għandhom illum lilkom biex tgħinuhom jagħmlu dan,” temmet tgħid il-President Coleiro Preca.
Il-kommemorazzjoni organizzata fl-okkażjoni tal-Ħamsin Anniversarju mill-kisba tad-dritt tal-Individwu għall-aċċess tal-Qorti Ewropeja għad-Drittijiet tal-Bniedem, kienet organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’, bil-kollaborazzjoni tal-Universita’ ta’ Malta, l-Kamra tal-Avukati u l-Junior Chamber of Advocates.