Waqt żjara fil-Creativity Hub tal-Public Broadcasting Services, il-President Marie-Louise Coleiro Preca, s-Segretarju tal-Bord tal-Malta Community Chest Fund John Camilleri u ċ-Chairman tal-PBS Dr. Tonio Portughese iffirmaw ftehim ġdid għal ħames snin bejn l-Uffiċċju tal-President u l-PBS.
Il-President Coleiro Preca uriet is-sodisfazzjon tagħha għal ftehim milħuq u spjegat kif permezz tiegħu, x-xandir nazzjonali qed ikun katalista biex jitwassal il-messaġġ ta’ din il-Presidenza li għandha l-għan li jġib in-nies flimkien.
Sostniet li x-xandir għandu importanza strateġika biex jaqdi l-irwol edukattiv, informattiv, kulturali u ta’ rilassament fost is-soċjetà.
Il-President qalet li l-ftehim se jgħin biex mhux biss jitwasslu messaġġi b’rabta mal-inizzjattivi filantropiċi iżda dan il-ftehim se jkun qed jagħti aktar spazju għall-inizjattivi oħra marbuta ma’ oqsma differenti fis-soċjetà.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Dr. Emanuel Mallia fejn enfasizza l-importanza tal-ftehim u semma li l-PBS għandu diversi proġetti ġodda biex ikun jista’ jsaħħaħ u jferrex il-ħidma tiegħu.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-PBS, Dr. Tonio Portughese qal li permezz ta’ dan il-ftehim, l-istazzjon nazzjonali se jkun aktar effettiv biex jgħin fl-inizzjattivi tal-President fejn fost l-oħrajn se jkun qed jagħti assistenza teknika u promozzjonali.
Waqt iż-żjara fil-Creativity Hub, il-President Coleiro Preca ltaqgħet mal-ħaddiema u fi tmiem iż-żjara, l-bord tal-PBS preżenta donazzjoni lil President b’risq il-Malta Community Chest Fund.