“Jiena u żewġi Edgar nawguralkom serata mill-aqwa fl-ewwel ballu li qed jiġi organizzat minn din il-Presidenza”. Qalet dan il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz Verdala, waqt il-ftuħ tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu jew kif inhu magħruf aħjar bħala l-August Moon Ball.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif dan il-Ballu li għandu ħafna tradizzjonijiet, din is-sena ngħata laqta Maltija biex ikompli jilħaq wieħed mill-għanijiet ta’ din il-Presidenza, jiġifieri t-tisħiħ tal-identità Maltija.
Il-President tkellmet dwar l-elementi ġodda fil-Ballu, fosthom re-enactments tal-epoka tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kif ukoll il-karozzin li wassal lil dawk li attendew, mill-post fejn ipparkjaw il-vetturi tagħhom barra l-Palazz sal-Palazz, fejn sar il-Ballu.
Waqt l-indirizz tagħha, il-President ta’ Malta tenniet il-fatt kif sfortunatament f’dawn l-aħħar għaxar snin, l-inċidenza tal-mard tal-kanċer irduppjat u l-Malta Community Chest Fund huwa l-unika fond nazzjonali li qed jipprovdi fondi għall-kura.
Fid-dawl ta’ dan irringrazzjat lil dawk kollha li attendew li permezz tad-donazzjoni tagħhom inġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund u sellmet partikolarment lil numru ta’ emigranti Maltin li kienu preżenti għall-Ballu.
Sadanittant tkellem ukoll il-Markeżino Daniel De Petri Testaferrata, iċ-Ċermen tal-Ballu li rringrazzja lill-President u lis-Sur Preca talli f’din il-Presidenza l-ġdida reġa’ ġie fdat biex jorganizza dan il-Ballu.
Il-Markeżino De Petri Testaferrata irringrazzja lill-isponsors kollha li għenu biex ġie organizzat dan il-Ballu iżda b’mod partikolari irringrazzja lill-kumpanija Marsovin li din is-sena għalqet għoxrin sena abbinata ma’ dan l-avveniment.