Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet ‘IL-FESTA f’Sant’Anton’, attività organizzata b’risq il-Malta Community Chest Fund, li se tittella’ nhar il-Ġimgħa 11 u s-Sibt 12 ta’ Lulju fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif din l-attività għandha l-għan li ġġib il-familji flimkien u permezz tad-divertiment san u l-kultura, l-poplu jkun qed jagħti kontribuzzjoni lill-Malta Community Chest Fund.
Tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ fondi biex il-Malta Community Chest Fund tkompli tgħin aktar nies li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, l-aktar dawk ta’ mard u inugwaljanza.
Il-President ta’ Malta spjegat kif permezz ta’ din ‘IL-FESTA’, din il-Presidenza tat bidu għall-ħidma favur it-tisħiħ tal-identità kulturali.
Sostniet kif din l-attività fil-Palazz ta’ Sant’Anton hija ċelebrazzjoni kulturali u tradizzjonali, li se tkun qed tgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, flimkien ma’ komunitajiet oħra preżenti f’pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dan stiednet ukoll lit-tfal Maltin u Għawdxin biex fil-ġimgħat li ġejjin jissottomettu tpinġijiet marbuta mal-identità Maltija biex dawn jittellgħu f’esebizzjoni li se tintrama apposta dakinhar tal-attività.
Waqt din il-konferenza tkellem ukoll il-Kordinatur tal-Attivitajiet George Azzopardi li ta dettalji dwar din l-attività mifruxa fuq jumejn.
Fost l-attrazzjonijiet ewlenin se jkun hemm żjarat animati tal-Palazz ta’ Sant’Anton, logħob tradizzjonali għat-tfal, renactments ta’ żmien il-Kavallieri, wirjiet ta’ snajjiet u artiġjanat Malti, ikel tradizzjonali Malti, daqq ta’ mużika Maltija u spettaklu minn uħud mill-aqwa artisti Maltin.
Il-biljetti jinsabu għal bejgħ għall-prezz ta’ €4.00 għal ġenitur bi tfal jew €5.00 għal adult mill-Palazzi tal-President fil-Belt Valletta jew Sant’Anton.
Għal aktar informazzjoni jista’ jsir kuntatt fuq [email protected] jew fuq 21226226.