Onorevoli Prim Ministru,
Kummissarju Ewropew tal-Kultura, Edukazzjoni u Sport,
Onorevoli Ministri u Segretarji Parlamentari,
Rispettabbli Sindku tal-Belt Valletta,
Sinjuri Distinti,
Ħbieb,
Dan huwa mument storiku mill-aqwa, li jagħmilna lkoll tassew kburin li aħna Maltin, hekk kif illum ser nagħtu bidu għal din is-sena ta’ festa, meta’ l-Belt Valletta ser tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, għas-sena 2018.
Matul il-perjodu ta’ tħejjija għal din is-sena storika, sar ħafna xogħol minn tim iddedikat ta’ professjonisti u voluntiera, immexxija mis-Sur Jason Micallef, Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, li qed jorganizzaw u qed jiffaċilitaw sena sħiħa ta’ proġetti u inizjattivi kulturali.
Irrid, f’ismi u f’isem il-Maltin kollha, nagħti ħajr lil kull min ikkontribwixxa, għall-ħidma iddedikata u professjonali.
Minkejja li l-Belt Valletta hija l-iżgħar belt kapitali fl-Unjoni Ewropea, f’kuntest ta’ daqs, jiena kburija li rnexxielna negħlbu l-isfidi biex, inwettqu biċċa xogħol ġgantesk – biex ġie ffaċilitat u kkordinat programm ta’ daqs mill-aktar impressjonanti.
Jien konvinta li l-poplu Malti kollhu se jħossu kburi, li bħala poplu rnexxielna noħolqu serje ta’ inizjattivi kulturali, tal-aqwa kwalita’, u li ser jagħtu viżibilita’ mhux biss lill-kultura unika tal-gżejjer tagħna, iżda wkoll, ser jagħtuna l-opportunita’ li napprezzaw talenti u kulturi diversi ta’ popli oħra fostna, li jżuruna.
Il-pożizzjoni ġeo-strateġika ta’ Malta, f’salib it-toroq tal-Mediterran, għamlitna pont naturali bejn il-kontinenti u l-kulturi diversi.
L-istorja unika tagħna, għaġnitna f’poplu, fejn il-kultura tagħna, intgħaġnet mill-aħjar elementi tal-valuri Ewropej u Semitiċi. Il-kultura unika tagħna, tirrappreżenta l-elementi diversi fi spirtu armonjuż ta’ paċi. Minn żmien missirijietna u ommijietna, aħna l-Maltin dejjem ħassejna l-bżonn li naqsmu dan l-ispirtu ta’ paċi mal-ħbieb u l-ġirien tagħna.
Hija għal din ir-raġuni wkoll, li din is-sena kulturali hija daqstant importanti.
Din is-sena kulturali għandha tfakkarna, li opportunitajiet kulturali, jgħinuna nagħmlu konnessjonijiet u kuntatti ġodda, jgħinuna nsaħħu l-ħbiberiji li diġa għandna, fejn ma jeżistux fruntieri, anzi jinħolqu pontijiet li jġibu l-popli flimkien, fejn id-diversita’ tagħtina esperjenza rikka, li tkabbarna u ssaħħaħna lkoll.
Irrid ninnota wkoll, b’sodisfazzjon, li din is-sena kulturali, ser tagħti lil pajjiżna, spinta qawwija biex jissaħħaħ bħala destinazzjoni kulturali sostenibbli.
Din is-sena ta’ festa kulturali, ser tkun opportunita’ fejn nirrikonoxxu, nirrispettaw u nivvalutaw il-kulturi u t-tradizzjonijiet diversi tagħna. Meta nkunu qed nirrikonoxxu, nirrispettaw u nivvalutaw il-kulturi u t-tradizzjonijiet tagħna, aħna nkunu qed nagħmlu investiment effettiv, fi strateġiji essenzjali għall-inklużjoni soċjali, għat-tisħiħ tas-solidarjeta’, u għall-bini ta’ kultura ta’ paċi. B’hekk niggarantixxu wkoll, ekonomija prospera, ġusta u ekwa.
Fl-aħħarnett, irrid nerġa nawgura lit-tim li ħadem, u li ser jkompli jistinka biex jagħmel minn kollox, biex dan iż-żmien tal-Belt Valletta bħala Belt Kapitali tal-Kultura Ewropea, ikun suċċess.
Nixtieq nieħu l-opportunita’ biex inħeġġeġ liċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżna, u dawk li qed jgħixu fostna, biex jħossuhom parteċipi u kburin, matul din is-sena speċjali għalina lkoll.
Irrid nieħu l-opportunita’ wkoll biex nistieden lil dawk, f’pajjiżi oħra li qed jippjanaw xi vjaġġ matul is-sena 2018, biex jagħżlu lil Malta, ħalli jiċċelebraw magħna din is-sena ta’ festa.
Bħala Maltin, għandna l-opportunita’ unika biex nikkonfermaw u nsaħħu l-fama tagħna, ta’ poplu li jħobb il-ħbiberija, s-solidarjeta’, u l-paċi.
Konvinta li, bħala Maltin, aħna lkoll kburin li ser nkunu qed nikkontribwixxu b’mod effettiv għal opportunita’ u esperjenza ta’ diplomazija kulturali mill-aqwa, b’risq il-popli tal-gżejjer tagħna, tal-Unjoni Ewropea, tar-reġjun tal-Mediterran, u tad-dinja kollha.
Il-Festa t-Tajba lil kulħadd.