Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali Għixien Indipendenti, li qiegħed jiġi mfakkar għar-raba’ sena, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, laqgħet fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, lill-rappreżentanti tal-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabilità, li hija membru tan-“Network Ewropew dwar l-Għixien Indipendenti.”
Huma rreferew għall-artiklu dsatax tal-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità li jitratta dwar għixien indipendenti u inklużjoni fil-komunità. Tkellmu fid-dettall dwar il-ħtieġa ta’ personal assistants biex jipprovdu l-opportunità għall-emanċipazzjoni u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità.
Minkejja l-fatt li l-personal assistants huma kkonfermati mill-artiklu dsatax tal-konvenzjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità f’ħafna pajjiżi Ewropej, fosthom Malta li ffirmaw u rratifikaw il-konvenzjoni, għad m’għandhomx leġiżlazzjoni dwar il-personal assistants.
Il-Federazzjoni spjegat lill-President dwar il-ħtieġa li pajjiżna jgħaddi għal dan il-livell ta’ ħidma biex ikun assigurat li l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità tkun waħda sħiħa u kompluta fis-soċjetà tagħna.