Il-Malta Community Chest Fund fi ftehim mal-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta biex issir riċerka dwar l-osteoporożi

Il-Malta Community Chest Fund iffirmat ftehim mal-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta, li permezz tiegħu l-Malta Community Chest Fund se tiffinanzja proġett tar-riċerka fil-ġenetika tal-osteoporożi, li hija kundizzjoni li taffettwa lill-għadam tal-bniedem.  Din il-kundizzjoni taffettwa b’mod partikolari lin-nisa Maltin.

 

Ir-riċerka li diġà għaddejja, qed issir fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa tal-Università ta’ Malta immexxija mill-Professur Angela Xuereb.  Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li din ir-riċerka se tara għaliex il-Maltin taħkimhom din il-marda, hekk kif illum l-osteoporożi taffettwa lil madwar 20 fil-mija tan-nisa u madwar 6 fil-mija tal-irġiel Maltin u li minħabba fiha dawk milquta jgħixu ħajja li twassal għal sofferenzi li ħafna drabi jġibu magħhom kumplikazzjonijiet serji.

 

“Wieħed mill-fatturi ewlenin li jwassal għal din il-kundizzjoni huwa d-dispożizzjoni ġenetika tagħna u nafu wkoll li f’dan ir-rigward, Malta taqa’ fil-kategroija ta’ gruppi b’inċidenza għolja għal din il-kundizzjoni.  Huwa stmat li l-effetti ta’ din il-kundizzjoni llum jiswew lill-Gvern madwar 17-il miljun ewro fis-sena, b’mod partikolari f’operazzjonijiet ta’ hip replacement.”  Il-President spjegat li din il-figura mistennija togħla hekk kif il-popolazzjoni tagħna tkompli tikber fl-età u allura jikber in-numru ta’ persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni.

 

Il-President spjegat li quddiem din is-sitwazzjoni l-Università ta’ Malta permezz tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa ilha għadd ta’ snin tinvestiga xi jwassal għal din l-inċidenza għolja, permezz ta’ riċerka li tagħmel u proġetti ta’ studju f’kollaborazzjoni ma’ ċentri ta’ riċerka oħra madwar l-Ewropa.  B’dan il-ftehim il-Malta Community Chest Fund qed issaħħaħ din ir-riċerka importanti u tipprovdi fondi biex issostni dan ix-xogħol siewi li qed isir.