Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja tal-Fjamma tal-Paċi ta’ Betlem fil-ġonna tal-Palazz ta’ San Anton, li f’Malta hija kkoordinata mill-Baden Powell Scouts Malta.
Il-President Coleiro Preca qalet li “li niltaqgħu darba f’sena biex niċċelebraw il-paċi u nfakkru kemm hi sabiħa l-paċi u kif irridu naħdmu għall-paċi huwa importanti, imma l-paċi rridu naħdmu għaliha kuljum.”
Il-President tenniet li kull wieħed u waħda minna “għandna d-dmir li naħdmu għall-paċi flimkien, fil-familji tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol, u fil-klassijiet tagħna, billi nagħtu l-eżempju u billi nuru li l-kunflitt mhuwiex il-mod kif nistgħu nimxu ’l quddiem”. Hija żiedet tgħid li huwa meta nħobbu lil xulxin, meta nirrispettaw lil xulxin u meta nivvalutaw lil xulxin, li nkunu tassew qed naħdmu għall-paċi biex nibnu kultura ta’ paċi pożittiva.
Il-President qalet ukoll li l-mument tal-wasla ta’ din il-fjamma ta’ paċi huwa mument fejn nirriflettu aktar għall-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin tul din is-sena, u appellat biex “naħdmu flimkien, kif għamlu missirijietna, biex Malta tagħna tkun mudell u pont tal-paċi, billi nuru rispett lejn xulxin.”