Kien dan il-messaġġ li għaddiet, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, waqt ċerimonja ta’ preżentazzjoni ta’ Ċertifikati ta’ Kummissjoni lill-Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-President, filwaqt li indirizzat lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta qalet li hi tħares lejn l-uffiċjal tal-Armata bħala mudell, li jrid jagħti eżempju, ħalli l-poplu jimxi warajh. “Inħoss li hemm responsabbiltà kbira fuq il-membri u l-uffiċjali tal-Forzi Armati li jagħtu eżempju u li jgħinu biex tinbena kultura ta’ paċi pożittiva,” stqarret il-President Coleiro Preca.
Il-President, appellat lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta preżenti għaċ-ċerimonja biex kull fejn jkunu qed jaqdu dmirijiethom, jirriflettu s-sens ta’ paċi, s-sens ta’ kultura, li joħroġ minn ġo fihom biex tinbena l-paċi pożittiva. “Il-paċi pożittiva tiġi bis-sens ta’ rispett lejn kulħadd, sens ta’ dinjità u sens ta’ inklużjoni,” qalet il-President.
Fl-aħħarnett, il-President ta’ Malta, filwaqt li qalet lis-suldati kemm hija kburija bihom, u bil-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta, ħeġġithom biex jgħinu f’għaqda waħda biex tinbena kultura ta’ paċi pożittiva.
“Minn qalbi, nawguralkom suċċess fil-karriera tagħkom, li mhux biss hi karriera, iżda hi karriera b’vokazzjoni. Nawguralkom li timxu ’l quddiem, nawguralkom li tkunu tassew qed isservu biex tmexxu, u biex tmexxu b’eżempju, sabiex tkunu dejjem ta’ eżempju lill-poplu tagħna,” temmet tgħid il-President.