It-12 ta’ Mejju huwa l-Jum Internazzjonali tal-Għarfien dwar il-Fibromyalgia u l-ME. Din is-sena, bħal fis-snin imgħoddija, fil-11 u t-12 ta’ Mejju, il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta jingħaqad ma’ siti oħrajn madwar id-dinja fl-inizjattiva ‘Light up the Night’, hekk kif, din is-sena qed jiġi mfakkar il-25 anniversarju tal-Jum Internazzjonali tal-Fibromyalgia u ME.
Numru ta’ binjiet, u postijiet magħrufa madwar id-dinja kollha, jinxtegħlu b’żewġ kuluri (blu u vjola), fil-11 u t-12 ta’ Mejju. Il-kulur Blu jirrapreżenta il-Myalgic encephalomyelitis (ME) jew Chronic Fatigue Syndrome (CFS) u l-Vjola jirrapreżenta l-fibromyalgia (FM)
Miljuni ta’ nies madwar id-dinja, bejn 2% sa 8%, huma milquta minn dawn il-kundizzjonijiet.
Minkejja li din is-sena timmarka il-25 sena ta’ dan il-jum ta’ għarfien, l-ME, CFS & Fibromyalgia Alliance tħoss li f’Malta, għad hemm ftit għarfien jew appoġġ disponibbli, fuq dawn il-kundizzjonijiet.
Il-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, tixtieq turi l-apprezzament tagħha għax-xogħol li kontinwament isir mill-ME, CFS & Fibromyalgia Alliance, sabiex din l-għaqda tassigura li jiġu mplimentati sistemi ħolistiċi ta’ appoġġ, li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dawk ħutna Maltin u Għawdxin li jgħixu b’dawn il-kundizzjonijiet.