Hekk kif bħalissa l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tinsab fuq żjara statali fir-Rabat, il-Marokk biex tattendi għall-Crans Montana Forum, hija kellha numru ta’ laqgħat bilaterali.
Fosthom mal-President tal-Montenegro Filip Vujanović fejn ġie diskuss it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali fl-oqsma tat-turiżmu u n-negozju.
Il-President Coleiro Preca ltaqgħet ukoll mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Marokk Salaheddine Mezouar fejn iddiskutew ir-relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi u l-ħeġġa li hemm biex dawn ikomplu jissaħħu.
Mal-Ministru tat-Turiżmu tal-Marokk Lahcen Haddad ġiet diskussa l-ħidma bilaterali biex jikber il-potenzjal għat-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi filwaqt li mad-Direttur Generali tal-Organiżazzjoni Iżlamika għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura ġie ndirizzat il-multikulturaliżmu u l-effett tiegħu fuq is-soċjetajiet.
Aktar tard il-President Marie-Louise Coleiro Preca kienet waħda mill-kelliema ewlenin fil-ftuħ ta’ konferenza organizzata mill-Crans Montana Forum u ħadet sehem ukoll f’diskussjoni dwar il-Paċi u l-Iżvilupp fil-Mediterran: Intejbu l-Koperazzjoni u Nibnu Dinja Aħjar.