Fl-isfond tas-sit storiku tat-tempji tal-Ġgantija, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet l-ewwel ballu tal-President li se jsir f’Għawdex nhar is-Sibt 30 t’Awwissu. “Dan mhux se jkun ballu ġo Għawdex għall-Għawdxin biss iżda se jkun qed jesponi s-sbuħija t’Għawdex”, sostniet il-President Coleiro Preca.
Spjegat kif f’dan il-ballu se tingħata viżibilità lill-gżira Għawdxija u l-patrimonju dinji li jħaddan u b’hekk se nkunu qed naraw l-identità, il-karatteristiċi u t-tradizzjonijiet Għawdxin. Apparti l-aspett ta’ rilassament li se jġib miegħu dan il-ballu, f’dan is-sit ta’ wirt dinji tal-UNESCO, se tingħata lil dawk kollha li se jattendu, esperjenza edukattiva, artistika u storika.
Waqt l-indirizz tagħha, il-President ta’ Malta tenniet il-fatt kif sfortunatament f’dawn l-aħħar snin, l-prevalenza tal-marda tal-kanċer żdiedet u l-Malta Community Chest Fund jibqa’ l-uniku fond nazzjonali li qed jipprovdi fondi għall-kura.
Il-President Coleiro Preca qalet li b’dispjaċir, minħabba restrizzjonijiet ta’ spazju ma kienx possibli li jiġu akkomodati dawk kollha li xtaqu jattendu għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu. Sostniet li l-Ballu tal-President f’Għawdex se jkun opportunità biex dawn jattendu u jikkontribwixxu b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Waqt it-tnedija tkellem il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li spjega kif din l-attività qed turi biċ-ċar li din il-Presidenza qed tkun verament Presidenza tal-poplu Malti u Ghawdxi kollu, fejn l-umanità tal-persuna tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Il-Ministru Refalo sellem lill-voluntiera kollha li jiddedikaw il-ħin tagħhom għall-organizazzjoniet ta’ inizzjattivi marbuta ma’ ġest nobbli.
Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said li faħħar din l-inizjattiva u wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizzjoni f’inizjattivi li minnhom igawdi l-poplu Malti u Għawdxi. Chris Said irrimarka wkoll dwar kif attivitajiet bħal dawn, minbarra li jwasslu biex jinġabru fondi li huma tant meħtieġa, jerġgħu jinbtu f’bosta persuni mħabba għall-kultura u tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin.
Waqt it-tnedija tkellmet ukoll Daphne Caruana, l-Kuratur tat-Tempji tal-Ġgantija li spjegat kif huwa ta’ unur għal Heritage Malta li t-Tempji tal-Ġgantija li huma sit ta’ wirt storiku dinji ġew magħżula sabiex jospitaw dan l-avveniment. Din l-inizjattiva nobbli organizzata mill-President Coleiro Preca se tkun okkażżjoni unika sabiex titqajjem aktar kuxjenza u apprezzament lejn il-wirt storiku ta’ pajjiżna, b’mod speċjali dak tal-gżira Għawdxija, sostniet Daphne Caruana.
Għal dan il-ballu l-kumpanija Catermax se tkun responsabbli mill-catering filwaqt li x-Xagħra Historical Re-enactment Organisation se tippreżenta re-enactments li jmorru lura għall-era Pre-istorika. Il-Maltin li se jattendu se jkunu jistgħu jitilgħu mingħajr ħlas żejjed fuq l-opra tal-baħar tal-Fernandes li se titlaq miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex.
Dawk kollha interessati jistgħu jibdew jibbukkjaw minn għada t-Tnejn mis-sit elettroniku www.mccf.org.mt jew inkella mill-Palazz il-Belt, mill-Palazz ta’ Sant’ Anton jew mill-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund fi Triq Putirjal, ir-Rabat Għawdex.