Il-Markeżino Daniel De Petri Testaferrata, iċ-Ċermen tal-Ballu, irringrazzja lill-President u lis-Sur Preca talli f’din il-Presidenza l-ġdida reġa’ ġie fdat biex jorganizza dan il-Ballu. Spjega li dawk kollha interessati jistgħu jibdew jibbukkjaw mil-lum mis-sit elettroniku www.augustmoonball.com jew inkella mill-Palazz il-Belt u l-Palazz ta’ San Anton.
‘It-tender għall-ikel intrebaħ mill-Island Caterers, filwaqt li bħalma jiġri kull sena, il-Marsovin se jkun qed jagħti l-inbid b’xejn’, qal il-Markiż De Petri Testaferrata. Id-donazzjoni mitluba se tkun ta’ sebgħin Ewro bil-għan li wieħed ma joqgħodx jerġa’ jħallas għall-fuljett tal-menu.
Min-naħa tagħha l-President Coleiro Preca qalet li d-domanda għall-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund kompliet tikber tant li fil-ġimgħa qed ikun hemm medja ta’ sittin talba. ‘Għalhekk li se nkunu qed inżidu l-attivitajiet organizzati mill-Presidenza, fosthom bl-ewwel attività ġdida li se tittella’ l-ġimgħa d-dieħla bl-isem ta’ ‘IL-FESTA f’San Anton’, saħqet il-President Coleiro Preca.
Tkellmet ukoll dwar elementi ġodda fil-Ballu hekk kif wieħed mill-għanijiet ta’ din il-Presidenza huwa t-tisħiħ tal-identità Maltija. Fost dawn l-elementi hemm l-introduzzjoni tar-re-enactments tal-epoka tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kif ukoll il-karozzin li se jkun qed iwassal lil dawk li se jattendu, mill-post fejn jipparkjaw il-vetturi tagħhom barra l-Palazz sa ġol-Palazz fejn se jsir il-Ballu.
Il-President Coleiro Preca ħeġġet lil dawk interessati biex ma jħallux għall-aħħar biex jibbukkjaw għaliex minħabba l-kobor tal-post, il-postijiet huma limitati.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.augustmoonball.com jew iċempel fuq 21 226 226.