Il-President ta’ Malta f’laqgħa mad-direttur ġenerali tal-UNESCO

Ilbieraħ filgħaxija, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, kellha laqgħa bilaterali mad-direttur ġenerali tal-UNESCO Irina Bokova.

Waqt din il-laqgħa, il-President tkellmet fuq kif f’dan iż-żmien hekk sensittiv u vulnerabbli għad-dinja, il-missjoni tal-UNESCO, li din is-sena qed tagħlaq 70 sena mit-twaqqif tagħha, għandha tkun prijorità. Il-President u s-Sinjura Bokova tkellmu fuq il-paċi fid-dinja, u l-inizjattivi li huma meħtieġa li jittieħdu favur il-paċi.

Waqt din l-istess laqgħa, l-President u Bokova tkellmu fuq inizjattiva tal-Presidenza fejn ser jinġiebu flimkien numru ta’ istituzzjonijiet li jaħdmu fis-setturi differenti li jolqtu l-paċi fil-kreazzjoni tal-Istitut tal-Paċi u l-Ġid tan-Nies (the Institute for Peace and Wellbeing).

Bokova kkonfermat l-interess tal-UNESCO biex huma wkoll ikunu parti minn dan l-Istitut – li diġà hemm jifformaw parti minnu George Mason University (Virginia), Columbia University ta’ New York, l-Akkademja Mediterranja għall-istudji diplomatiċi (MEDAC) fi ħdan l-Università ta’ Malta, kif ukoll il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll L-Ambaxxatriċi għall-Paċi tal-UNESCO, Madame Hevda Ser. Madame Ser tkellmet fuq il-UNESCO Art Camp li ttella’ fil-Palazz Verdala bl-appoġġ sħiħ tal-President ta’ Malta. Madame Ser qalet li dan l-Art Camp, li huwa wieħed mill-għodod magħżula mill-Ġnus Magħquda bħala parti mill-miri ta’ żvilupp sostenibbli u promozzjoni tal-paċi permezz tal-arti, se jibda jittella’ kull sena f’Malta. Dan għaliex Malta, li tinsab fin-nofs tal-Mediterran u f’salib it-toroq ta’ tlett kontinenti, hija l-post ideali biex nies ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti jingħaqdu flimkien biex permezz tal-espressjoni artistika tagħhom jippromwovu l-paċi.

Madame Ser u Bokova kellhom kliem ta’ tifħir għall-ħidma tal-President f’diversi oqsma biex ittejjeb il-ġid tas-soċjetà.  Jakkumpanjaw lill-President waqt din il-laqgħa kien hemm is-Sur Edgar Preca, kif ukoll Dr Ruth Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.