Il-President ta’ Malta f’laqgħa mar-Re Philippe tal-Belġju

Il-President ta’ Malta f’laqgħa mar-Re Philippe tal-Belġju

 

Dalgħodu, il-President ta’ Malta kellha laqgħa bilaterali mar-Re Philippe tal-Belġju, fil-Palazz Irjali fi Brussell.

 

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca u r-Re Philippe tkellmu dwar l-aġenda magħżula minn Malta għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Iddiskutew ukoll l-isfidi li qed tiffaċċja bħalissa l-Unjoni Ewropea fosthom Brexit u sfidi oħra ta’ kriżi bħall-kunflitti fil-Libja u fis-Sirja, u l-isfida tal-immigrazzjoni fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Ewropa.

 

Ġew diskussa wkoll il-ħidmiet tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u tal-Fondazzjoni tal-Familja Rjali Belġjana, il-King Baudouin Foundation.

 

Il-President Coleiro Preca u r-Re Philippe tkellmu dwar il-konferenza li se ssir f’Malta fl-aħħar ta’ Jannar, organizzata minn Missing Children Europe flimkien mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, fejn il-President ta’ Malta hi membru fuq il-Patron’s Council ta’ Missing Children Europe, liema kunsill jitmexxa minn omm ir-Re Philippe, ir-Reġina Paola tal-Belġju.