Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waslet il-Marokk biex tattendi għall-25 Laqgħa Annwali ta’ Crans Montana Forum ospitat mill-Islamic Educational, Scientific and Cultural Organization (ISESCO).
Fl-ajruport internazzjonali ta’ Rabat, il-President Coleiro Preca ntlaqgħet mill-Prim Ministru tal-Marokk Abdelilah Benkirane u fil-preżenza tiegħu spezzjonat il-gwardja tal-unur.
Il-President ta’ Malta tkellmet mal-Prim Ministru Marokkin dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi fejn intwera interess qawwi li dawn ikomplu jissaħħu favur it-tisħiħ tal-proċess tad-djalogu fil-Mediterran.
Iż-żewġ naħat esprimew ukoll it-tħassib għall-kunflitti li hemm u dawk li qed jinqalgħu u għaldaqstant, il-proċess ta’ djalogu huwa aktar importanti f’dan iż-żmien, bit-tama li jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa għal paċi, stabbilità u prosperità għall-popli fil-Mediterran.