Il-President ta’ Malta l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca kellha laqgħa distinta ma’ Malala Yousafzai, it-tfajla mill-Pakistan li għamlet impatt dinji wara li sofriet attakk mit-Taleban minħabba li ssieltet biex tfajliet mill-Pakistan imorru l-iskola biex jiskbu l-edukazzjoni tagħhom. Il-laqgħa bejn Malala u l-President ta’ Malta seħħet f’Birmingham, l-Ingilterra, fil-post fejn Malala qed issegwi l-istudji tagħha.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca stiednet lil Malala tiġi Malta bil-għan li tħeġġeġ tfal Maltin biex ikomplu jsaħħu l-edukazzjoni tagħhom, bil-possibilita’ li l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u Malala joħolqu proġett edukattiv bħala parti mill-kampanja internazzjonali favur l-edukazzjoni.
Waqt il-laqgħa Malala spjegat lill-President ta’ Malta li l-edukazzjoni hija l-unika triq li tista’ ġġib il-paċi fid-dinja, għaliex l-edukazzjoni tbiegħed il-ġlied, it-terroriżmu u huwa li għalhekk il-ħolma tagħha hi li l-mijiet ta’ eluf ta’ tfal li huma mċaħħda mill-edukazzjoni, jingħataw il-mezzi biex imorru l-iskola. Malala li għad għandha 17-il sena, hija l-ewwel tifla fil-familja tagħha fil-Pakistan li ħadet l-edukazzjoni bis-serjeta’, u hija din l-edukazzjoni li wasslet lil Malala biex tagħmel dan l-impatt dinji.
Malala faħħret lill-President ta’ Malta għall-irwol tagħha bħala mara li qed tagħti tama lil nisa oħra biex jagħmlu kuraġġ u ma jibqgħux lura. Malala qalet li persuni bħall-President huma dawk li jagħmlu d-differenza u huwa għalhekk li tixtieq li tidħol ukoll fil-politika biex tagħmel id-differenza u tagħmel it-tibdiliet li hemm bżonn. Il-President ta’ Malta qalet li l-politika hija għodda ta’ mħabba, għaliex in-nies għandhom bżonn l-imħabba, il-kuraġġ u l-edukazzjoni biex jimxu ‘l quddiem.
Il-President ta’ Malta qalet li temmen li n-nisa, li huma dawk li jagħtu l-ħajja, għandu jkollhom rwol ċentrali, għaliex ċertament kapaċi jagħmlu d-differenza fit-tmexxija tal-pajjiżi.
Waqt il-laqgħa mal-President, Malala kienet akkumpanjata mill-ġenituri tagħha. Missier Malala kien dak li żera’ f’bintu l-għatx għall-edukazzjoni, li permezz tagħha għamlet dan l-impatt dinji.
Fix-xhur li ġejjin, Malala se tkun qed tiddiskuti mal-uffiċċju tal-President għal meta se jkun possibbli li żżur Malta biex twassal il-messaġġi influwenti tagħha.