Il-President ta’ Malta l-E T Marie Louise Coleiro Preca llejla ltaqgħet ma’ sebgħin ambaxxatur akkreditati għal Malta u residenti f’Ruma. Il-President ta’ Malta ltaqgħet magħhom fir-residenza tal-ambaxxatriċi Maltija f’Ruma.
Il-President qalet li huwa ta’ pjaċir għaliha li tiltaqa’ mal-ambaxxaturi filwaqt li uriet l-apprezzament tax-xogħol diplomatiku tagħhom li permezz tiegħu jagħtu iktar viżibilita’ lil Malta. Il-President qalet li Malta hija żgħira iżda li l-pożizzjoni ġeo strateġika tagħha hija tant importanti għax tgħaqqad lil tant pajjiżi fl-Ewropa u anki fl-Afrika ta’ Fuq.
L-ET Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-Presidenza għandha ħolma li f’soċjeta’ multikulturali titnissel iktar armonija u solidarjeta’ għall-paċi fid-dinja. Tkellmet ukoll fuq l-immigrazzjoni rregolari li hija responsabbilta’ tal-Ewropej kollha.
Il-President qalet li Malta huwa nazzjon żgħir iżda li kiseb stat b’saħħtu indipendenti, u membru fl-Unjoni Ewropea u għalhekk l-impenn għal Ewropa iktar magħquda. Sostniet li Malta għalkemm l-iżgħar stat fl-Unjoni Ewropea, huwa ċentru mportanti għad-djalogu u l-paċi.