Il-President ta’ Malta, li kienet ukoll akkumpanjata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George Vella, kienet milqugħa mid-direttur tal-Caritas f’Ruma Monsinjur Enrico Feroci. Monsinjur Feroci dawwar lill-President mal-bini li joffri tant servizzi lill-vulnerabbli fosthom, supermarket, shelter għal min huwa bla saqaf fuq rasu, u klinika fost servizzi oħra.
Id-direttur tal-Caritas f’Ruma spjega lill-President li s-servizzi ma jistgħux joperaw jekk mhux bl-appoġġ ta’ mijiet kbar ta’ voluntiera, bosta minnhom ukoll żgħażagħ li bi spirtu ta’ solidarjetà jagħtu mill-ħin tagħhom biex jgħinu lill-batut.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca mbagħad ġiet mistiedna mill-Arcisqof Konrad Krajewski li jmexxi s-servizz ta’ solidarjetà tal-Papa Franġisku, liema servizz huwa dak immedjat għal persuni li jispiċċaw f’sitwazzjonijiet ta’ faqar kbir, fosthom nies bil-ġuħ, u persuni bla saqaf fuq rashom. L-Arċisqof Krajewski spjega lill-President kif il-Papa Franġisku nnifsu jidħol direttament f’każijiet li jirrikjedu għajnuna umanitarja urġenti, u kif kuljum l-uffiċċju jirċievi mijiet ta’ talbiet b’ittri għall-għajnuna.
Il-President imbagħad kellha laqgħa mal-librar u arkivista tal-Vatikan, Monsinjur Jean-Louis Bruguès, u wara mal-Kardinal Angelo Comastri, il-President tal-Fabbrika tal-Mużajk tal-Vatikan.
Filgħaxija il-President ta’ Malta u s-sinjur Edgar Preca ltaqgħu mas-sorijiet Maltin Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’ ta’ Ruma, fejn irringrazzjathom għax-xogħol tant siewi li s-sorijiet jagħmlu ma’ nies li huma fil-bżonn.
Iktar tard il-President attendiet għal quddiesa fil-Collegio Internazionale di Santa Monica, kkonċelebrata mill-Kardinal Malti Prosperò Grech u mill-Monsinjur Għawdxi Alfred Xuereb. Din il-quddiesa saret għall-komunità Maltija f’Ruma, fejn wara sar ukoll riċeviment għalihom biex jiltaqgħu wkoll mal-President Marie Louise Coleiro Preca.