Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ delegazzjoni parlamentari Ġermaniża, deskritta bħala waħda importanti minħabba l-fatt li l-Ġermanja hija l-ikbar ekonomija Ewropea, u anki minħabba l-esperjenzi varji tagħha f’diversi oqsma. Il-President ta’ Malta fost affarijiet oħra semmiet il-kwistjoni umanitarja tal-immigrazzjoni rregolari, b’nies li qed jaħarbu minn pajjiżhom minħabba zoni ta’ kunflitt.
Il-kap tad-delegazzjoni parlamentari Ġermaniża Peter Bleser spjega lill-President ta’ Malta li hemm bżonn li l-Ewropa tindirizza din l-isfida kbira ta’ immigrazzjoni rregolari filwaqt li ta dettalji ta’ kif fil-Parlament Ġermaniż qed issir ħidma biex tindirizza din l-isfida. Il-President esprimiet sodisfazzjon għall-fatt li l-Ġermanja qed tifhem li din hija problema kbira umanitarja u li hemm bżonn ta’ azzjoni mmedjata, hekk kif esperimiet ir-realta’ li ħafna drabi Malta qed tħossha waħidha tissielet ma’ din l-isfida.
Waqt il-laqgħa il-President semmiet il-fatt kif Malta għandha relazzjoni b’saħħitha mal-Ġermanja anki dik intraprenditorjali, b’sebgħin kumpanija Ġermaniża li qed topera minn Malta.