Waqt li żaret lill-għexieren ta’ artisti u mużicisti fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ li se jieħdu sehem f’Rockestra, il-President ta’ Malta fissret kif permezz tal-entużjażmu u l-passjoni tal-mużika, kant u melodija, din se ttaffi ftit mill-uġigħ tal-marid. Fissret kif l-isforzi ta’ Rockestra iwasslu biex mill-qligħ tagħha, il-Malta Community Chest Fund, ikollha iktar saħħa biex tgħin lil tant Maltin u Għawdxin li sfortunatament jinsabu għaddejjin minn perjodu ta’ mard u qed jittellgħu għall-kura barra l-pajjiż. Il-President Marie Louise Coleiro Preca fissret kif meta telgħet l-Ingilterra l-ġimgħa li għaddiet tant rat sofferenza ta’ Maltin li qegħdin rikoverati fi sptarjiet, li se taħdem bis-saħħa kollha f’din il-Presidenza, biex il-Malta Community Chest Fund ikollha biżżejjed finanzi minn fejn tkun tista’ verament twieżen lill-pazjenti Maltin u tingħatalhom il-kura għall-fejqan tagħhom.
Spjegat kif Rockestra huwa avveniment li jgħaqqad lill-pajjiż f’għan wieħed permezz tal-mużika u għalhekk irringrazzjat lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Sigmund Mifsud, u direzzjoni artistika ta’ Pawlu Borġ Bonaci u lil tant kantanti li qed jagħtu tant passjoni u entużjażmu għal dan il-kunċert.