L-ewwel laqgħa kienet mal-Kap Eżekuttiv ta’ ‘Stonewall International’ li twaqqfet minn grupp żgħir ta’ nisa u rġiel li lkoll issieltu kontra d-diskriminazzjoni sesswali. Waqt laqgħa mal-Kap Eżekuttiv ta’ din l-organizzazzjoni Ruth Hunt, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tkellmet kif il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà qed tibbaża l-ħidma tagħha fuq diversi aspetti soċjali, fuq ir-riċerka professjonali bil-għan li l-proposti li jsiru jkunu jirriflettu l-istampa reali tal-bżonnijiet jew aspetti tas-soċjetà. Fuq dan il-punt, il-Kap Eżekuttiv ta’ ‘Stonewall International’ qablet mal-President hekk kif mill-esperjenza tal-organizazzjoni, ir-riċerka hija essenzjali biex jittieħed ritratt profond ta’ affarijiet li ma jkunux viżibbli għas-soċjetà.
Laqgħa oħra li kella l-President kienet mal-Kap Eżekuttiv tal-organizazzjoni internazzjonali ‘Save the Children International’ li ilha mwaqqfa mitt sena u li għandha programmi b’risq it-tfal f’madwar mija u għoxrin pajjiż madwar id-dinja. Yasmin Whitebread li hija l-Kap Eżekuttiv ta’ din l-organizzazzjoni offriet lill-Presidenza kollaborazzjoni ta’ għajnuna b’risq proġetti li qed taħdem fuqhom l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
Il-President Maire Louise Coleiro Preca uriet ix-xewqa li l-Presidenza tikkollabora ma’ ‘Save the Children’, fi proġetti li jsiru b’risq it-tfal f’Malta, proġetti li diġà bdew fil-ġonna ta’ San Anton. Yasmin Whitebread qalet li l-organizzazzjoni taħdem ħafna favur id-drittijiet tat-tfal, u titfa’ pressjoni fuq il-gvernijiet biex il-politika tkun favur it-tfal u ma tħalli lil ebda tifel jew tifla jitħalla barra. L-organizzazzjoni ssuġġeriet lill-President li proġett li żgur huwa effettiv huwa dak li verament jisma’ dak li jridu jgħidu t-tfal fuq aspetti varji, għax ħadd ħlief huma ma jistgħu jesprimu l-bżonnijiet tagħhom. Sar qbil li l-organizzazzjoni tipprovdi esperti minn tagħha biex jgħinu lill-Presidenza tvara proġetti li verament jolqtu sfidi li qed jiltaqgħu magħhom it-tfal illum. Suġġett li qam waqt il-laqgħa kien it-tfal ta’ immigranti li jaslu f’pajjiżi mingħajr il-ġenituri tagħhom, bl-organizzazzjoni ‘Save The Children’ tgħid li hemm bżonn li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkunu iktar proattivi fl-għajnuna lejn Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari, b’mod speċjali fuq it-tfal vulnerabbli Maltin.