Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca flimkien mas-Sur Edgar Preca llum żaret lill-pazjenti Maltin rikoverati fi sptarijiet fl-Ingilterra. Il-President Marie Louise Coleiro Preca, akkumpanjata wkoll mill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Dr. Konrad Mizzi, kellha laqgħa importanti fl-isptar Royal Marsden mal-Konsulent Dr. Mark Ethell, li jieħu ħsieb pazjenti Maltin li jkollhom bżonn trapjant tal-mudullun.
Waqt din il-laqgħa l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca enfasizzat l-ħtieġa ta’ għajnuna psiko-soċjali għall-pazjenti Maltin u familjari tagħhom rikoverati l-Ingilterra, u li l-Malta Community Chest Fund se tidħol għal din l-assistenza. Il-Konsulent Dr. Mark Ethell qabel ma’ dan is-suġġeriment u offra li jista’ jassisti fil-proġetti li qed tfassal il-Presidenza biex ssaħħaħ is-servizzi ta’ appoġġ lill-pazjenti Maltin. Waqt il-laqgħa, il-President tkellmet dwar il-bżonn li f’Malta ssir riċerka profonda dwar ir-rata tal-każijiet ta’ kanċer. Fi tmiem iż-żjara f’Royal Marsden il-President ppreżentat għotja ta’ flus mill-Malta Community Chest Fund bħala turija ta’ apprezzament għall-appoġġ li jingħataw il-pazjenti Maltin.