Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ltaqgħet mal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku fil-Vatikan fejn għamlitlu stedina jżur Malta bl-iskop li jinstiga iktar imħabba u solidarjetà fis-soċjetà Maltija u Għawdxija. Il-President uriet ix-xewqa li meta l-Papa jżur Malta, jindirizza b’mod partikulari lit-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u jħeġġiġhom jissaħħu fil-valuri ta’ missierijithom, li huma valuri ta’ ħbiberija, tolleranza, mħabba u rispett lejn ġnus oħra.
Il-President qalet lill-Qdusija Tiegħu li żjara tiegħu f’Malta tagħmel differenza kbira, minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna qrib żoni ta’ kunflitt, u għalhekk il-bżonn li l-Knisja, anki minn Malta, twassal messaġġi ta’ paċi u mħabba biex titbiegħed il-mibegħda bejn il-kulturi u reliġjonijiet li tant ħakmet f’pajjiżi bħall-Iraq u s-Sirja kawża ta’ kunflitti bejn reliġjonijiet u razez.
Il-President ta’ Malta ddeskriviet il-laqgħa mal-Papa bħala waħda profonda ħafna kemm spiritwalment u umanament. Hija spjegat kif Malta u Għawdex huma soċjetà multikulturali, b’reliġjonijiet differenti u spjegat il-bżonn li l-Knisja f’Malta tippromwovi djalogu bejn ir-reliġjonijiet differenti.
Waqt il-laqgħa mal-Papa, f’rabta mal-aspetti ta’ kunflitt u persekuzzjoni li qed iseħħu madwarna, l-President tkellmet fuq il-faqar u l-ħarba ta’ tant nies li jipperikolaw ħajjithom fil-Mediterran biex jaħirbu l-gwerer u l-persekuzzjoni.
Il-President ta’ Malta u s-sinjur Edgar Preca taw lill-Qdusija Tiegħu l-Papa għadd ta’ rigali lkoll b’tema Maltija. Dawn huma mejda taċ-ċeramika bl-arma tal-Papa mpinġija bl-idejn mill-kumpanija Maltija Mediterranean Ceramics, qoffa mimlija prodotti Maltin u Għawdxin ipprovduta minn Magro Brothers, kaxxa ħamrija Maltija li tirrapreżenta l-art Maltija, donazzjoni ta’ flus biex tindirizza bżonnijiet ta’ foqra li jgħin il-Papa, u palla u soprakalċi maħduma minn bizzilla Għawdxija. L-għażla ta’ dawn ir-rigali saret bi skop li jitressqu ‘l quddiem it-talenti, l-ħiliet u l-bżulija tal-Maltin u Għawdxin f’art li l-unika riżorsa tagħha huma n-nies.
Min-naħa tiegħu Papa Franġisku rregala lill-President, l-enċiċlika tiegħu Evangelii Gaudium, u kuruna tal-perli.
Wara l-laqgħa mal-Papa, l-President ta’ Malta ltaqgħet mal-Arċisqof Dominique Mamberti li huwa s-Segretarju tal-Vatikan għar-relazzjonijiet mal-istati. Waqt din il-laqgħa, li għaliha attenda l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella, is-suġġetti għad-diskussjoni kienu immigrazzjoni, il-faqar, il-paċi u l-istabbilità fid-dinja, u l-familja. Lejlet il-ftuħ tas-Sinodu tal-Isqfijiet, il-President ta’ Malta ressqet ‘il quddiem suġġetti topiċi li jolqtu lill-familji.