Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca inawgurat sistema ġdida ta’ moniteraġġ fl-Awtorità tax-Xandir f’għeluq it-53 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità tax-Xandir. Il-President ta’ Malta qalet li l-Awtorità tax-Xandir hija awtorità importanti, hekk kif l-isfidi tagħha dejjem jiżdiedu minħabba li l-medja evolviet u avvanzat teknoloġikament.
Il-President qalet li llum l-Awtorità, bil-għan li tagħmel moniteraġġ għall-imparzjalità tal-mezzi tax-xandir f’pajjiżna, qed tkun proattiva billi ssib metodi ġodda kif tagħmel dan b’mod mill-iktar professjonali. Il-President qalet li importanti li l-mezzi tax-xandir, filwaqt li jkunu imparzjali, għandhom jirrispettaw l-etika speċjalment fil-konfront ta’ gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, speċjalment fejn jidħlu tfal u persuni b’diżabilità.
Ic-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir is-Sur Anthony J. Tabone rringrazzja lill-President ta’ Malta għaż-żjara tagħha f’mument fejn l-Awtorità qed timmodernizza s-sistema tagħha. Huwa spjega kif permezz ta’ kuntatti bilaterali mal-Awtorità Regolatorja tal-Ungerija, l-Awtorità tax-Xandir Maltija akkwistat sistema moderna ta’ moniteraġġ li se tkompli tilqa’ għax-xogħol kbir li għandha l-Awtorità. Huwa spjega kif bħalissa l-Awtorità tax-Xandir Maltija qed tassisti lill-Moldova biex issaħħaħ l-awtorità regolatorja tagħha.
Waqt din l-okkażjoni, ic-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir ta lill-President donazzjoni b’risq il-Malta Community Chest Fund.