Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-ħamsa u sebgħin ċiklist li ħadu sehem fl-ewwel maratona taċ-ċikliżmu b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Din l-attività kienet tagħmel parti mill-Ġimgħa Ewropea dwar il-Mobilità Urbana li saret biex titqanqal kuxjenza għal trasport li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent. L-attivitajiet f’Malta ġew organizzati minn Transport Malta b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali.
Fi tmiem tal-Maratona fejn iċ-ċiklisti qadfu fi tlettax –il lokalita’ madwar Malta, il-President ta’ Malta rringrazzjat lil dawn iċ-ċiklisti li permezz ta’ dan l-isport ġabru flus għal dawk li jibbenefikaw mill-Malta Community Chest Fund. Il-President semmiet il-mijiet ta’ pazjenti li qed jibbenefikaw mill-Malta Community Chest Fund, bil-bżonnijiet tal-istess pazjenti dejjem qed jiżdiedu u għalhekk il-bżonn li l-poplu jibqa’ għaddej b’din il-kuxjenza favur min għandu bżonn l-għajnuna.
Il-President ħeġġet għas-sehem tal-pubbliku fil-Bike Ride li se ssir nhar il-Ħadd 26 t’Ottubru. Għall-ewwel darba din l-attività se tkun qed issir fuq bażi nazzjonali.
L-għan tal-attività huwa li jinġabru fondi għal The Malta Community Chest Fund u għalhekk huma mistiedna dawk kollha li jsuqu r-roti u l-muturi, inkluż tfal bir-roti. Madankollu kull parteċipant minn 16-il sena ‘l fuq se jkun qed jintalab jagħti donazzjoni ta’ €10.