Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca dalgħodu żaret il-kulleġġ Sir M A Refalo f’Għawdex biex tvara l-Istrina taż-żgħażagħ Solidaritree. Din l-Istrina taż-żgħażagħ kienet idea tal-Kunsill Studenti Universitarji, liema kampanja qed issib appoġġ u entużjażmu kbir miż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Il-President filwaqt li apprezzat il-merħba tal-istudenti Għawdxin, qalet li tinsab tant onorata li ż-żgħażagħ Għawdxin laqgħu bi ħġarhom il-kampanja Solidaritree li għall-ewwel darba se tkun Strina taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin matul is-sena kollha.
Il-President inkoraġġiet liż-żgħażagħ biex permezz tal-kampanja Solidaritree jferrxu l-entużjażmu tagħhom hekk kif il-bżonnijiet ta’ dawk li qed jibbenefikaw mill-Malta Community Chest Fund qegħdin dejjem jikbru.
Il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo rringrazzja lill-President ta’ Malta li attendiet l-ewwel Freshers’ tas-6th Form fil-gżira ta’ Għawdex. Qal li dan juri kemm l-Istat Malti għandu għal qalbu lill-istudenti Għawdxin.
Dr. Refalo kompla li din l-iskola hija wkoll ċentru għaż-żgħażagħ li, għalkemm jiġu biex jistudjaw, isibu wkoll il-ħin sabiex jinvolvu ruħhom fil-ħafna attivitajiet li jiġu organizzati matul is-sena. Dan jagħmel l-esperjenza f’din l-iskola waħda mill-iktar memorabbli li l-istudent jibqa’ jgħożż matul ħajtu kollha. Il-Ministru Refalo ħeġġeġ lill-istudenti biex jgħożżu dan iż-żmien u ftakar meta hu kien student f’din l-istess skola.
Wara Għawdex, il-President marret fuq il-Campus tal-Università ta’ Malta fejn hemm iltaqgħet mal-55 għaqda tal-istudenti li qed jieħdu sehem fi Freshers’ Week. Il-President qalet li tħossha tant onorata li l-istudenti qegħdin iżidu l-entużjażmu tagħhom fis-solidarjetà volontarja mal-komunità. Qalet li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin tant għandhom talent x’joffru li bil-kapaċità tagħhom se jkunu qed jiżirgħu differenza pożittiva fil-komunità Maltija u Għawdxija.