Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca dalgħodu varat il-programm ta’ żjarat kulturali organizzati mill-Uffiċċju tal-President, li l-qliegħ minnhom imur għall-Malta Community Chest Fund. Il-Programm ta’ żjarat kulturali jkopri tmien xhur ta’ attivitajiet bi żjarat kulturali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca spjegat kif l-għan tal-Presidenza hu li l-Maltin u l-Għawdxin jagħrfu aktar r-rikkezza tal-istorja u l-kultura Maltija u Għawdxija, mhux biss ta’ postijiet ewlenin turistiċi, iżda wkoll postijiet fi bliet u rħula Maltin u Għawdxin li wkoll fihom tant valur storiku, artistiku u kulturali. Ħabbret li dawn iż-żjarat kulturali se jiġu estiżi wkoll fis-Sajf bi programm speċifiku għat-tfal u l-familji tagħhom. Il-President qalet li filwaqt li l-għan hu li l-Presidenza tagħti opportunitajiet edukattivi u kulturali lill-poplu, fl-istess waqt tittieħed l-opportunità li mill-flus tal-biljetti jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund.
Il-President spjegat kif matul iż-żjara fl-Ingilterra, iltaqgħet wiċċ imb’wiċċ mat-tbatija ta’ mijiet ta’ Maltin li jitilgħu għall-kura, minn tfal sa kbar, u għalhekk l-urġenza li s-solidarjetà permezz tal-Malta Community Chest Fund tissaħħaħ biex is-sostenn għal min ikollu bżonn il-kura barra minn Malta jikber. Spjegat li l-Malta Community Chest Fund se tbiddel is-sistema ta’ sostenn finanzjarju lill-familji li jitilgħu għall-kura barra minn Malta, fejn fil-preżenti, min hu marid irid iżomm l-irċevuti u jingħata l-kumpens finanzjarju wara li jinżel lura Malta. Il-President spjegat li din is-sistema mhix qed tgħin biżżejjed u li l-għajnuna finanzjarja trid tkun waħda immedjata.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu s-Sur Paul Buġeja tenna l-appoġġ sħiħ li kommess li qed jagħti u ser jibqa’ jagħti lill-Presidenza fil-programm taż-żjarat kulturali li l-Presidenza qed torganizza fuq medda tat-tmien xhur li ġejjien. Il-Ministru Zammit Lewis qal li dan ċertament importanti mill-aspett filantropiku li din il-Presidenza tant temmen fiha u qed taħdem għaliha, iżda tqajjem kuxjenza nazzjonali dwar il-wirt kulturali li għandu f’pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Lewis sostna li pajjiżna huwa wieħed mill-aktar pajjiżi fid-dinja li għandu densità ta’ wirt kulturali u li dwar dan qed isir xogħol ħalli dan il-wirt jiġi sfruttat aktar għal turiżmu kulturali speċjalment fix-xhur tax-Xitwa.
Fl-istess konferenza tkellem ukoll il-kelliem għall-Kultura u l-Komunikazzjoni Dr Francis Zammit Dimech li faħħar din l-inizjattiva taż-żjarat kulturali, hekk kif b’dan il-mod il-kultura rikka Maltija, u l-istorja għanja tagħha qegħdin flimkien jikkontribwixxu għall-ġid ta’ min hu fil-bżonn.
Waqt il-konferenza tkellem is-Sur Remiġ Bartolo li spjega l-programm ta’ żjarat kulturali għat-tmien xhur li ġejjin. Iż-żjarat kulturali isiru bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u Heritage Malta.
Il-biljetti jinbiegħu mill-Palazz ta’ Sant’Anton u mill-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21226226.