Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca dalgħodu żaret tliet anzjani fid-dar tal-anzjani taż-Żejtun, fosthom lis-sur Anthony Paul Bilocca li se jagħlaq 102 sena. Fl-istess dar taż-Żejtun il-President awgurat ukoll lil żewġ nisa anzjani oħra, is-sinjura Dolores Falzon li għalqet mitt sena, u s-sinjura Francis Grima li se tagħlaq ukoll il-mitt sena.
Waqt li ġiet milqugħa minn għadd kbir ta’ anzjani residenti fid-dar taż-Żejtun, il-President ta’ Malta awgurat iktar saħħa u barka lill-anzjani preżenti, u qalet li s-soċjetà Maltija u Għawdxija għandha bżonn ħafna l-kontribut tal-anzjani, u għalhekk appellat biex dawn jiżirgħu iktar imħabba fil-komunità. Il-President spjegat il-ħidma tal-Presidenza bl-impenn li ġġib lil kulħadd flimkien biex fost affarijiet oħra, tingħata għajnuna lill-vulnerabbli u titkattar il-mentalità li f’pajjiżna jinżera’ iktar l-ispirtu ta’ solidarjetà. Dan għaliex kulħadd xi darba jew oħra se jkollu bżonn dak il-kuraġġ u l-għajnuna f’sitwazzjonijiet diffiċli tal-ħajja.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, fl-indirizz tagħha awgurat lis-Sur Bilocca u lis-Sinjorina Falzon u semmiet kif ilbieraħ kien il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani u għalhekk ħadet l-opportunità biex iddur diversi postijiet tal-anzjani u tawguralhom il-Jum it-tajjeb. Semmiet li kienet esperjenza sabiħa għaliha li attendiet għal Sports Day organizzata għall-anzjani residenti fid-djar tal-anzjani, kif ukoll ingħaqdet ma’ anzjani f’Cafeteria barra mir-residenza ta’ San Vinċenz de Paul.
Ħeġġet lill-anzjani preżenti sabiex jipparteċipaw attivament u sabiex ikunu fuq ta’ quddiem nett biex jattwaw l-istrateġija tal-anzjanità attiva. Ħabbret kif minn hawn u ftit ġimgħat oħra se jkun hemm attività għaċ-ċentinarji kollha ta’ pajjiżna, għaliex bħala poplu għandna ngħożżu u nirrispettaw lill-anzjani tagħna, u b’mod pubbliku għaldaqstant se nkunu qed nimmanifestaw l-apprezzament tagħna lejn dawn il-persuni.
Waqt din l-attività tkellem il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, is-Sur Tony Mifsud u s-Sindku taż-Żejtun, is-Sur Joe Attard.
Waqt l-attività l-Kap Eżekuttiv ta’ Caremalta, is-Sinjura Nathalie Briffa Farrugia tat donazzjoni ta’ ħdax-il elf Ewro b’risq il-Malta Community Chest Fund.