Wara l-impenji tagħha f’Għawdex, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca żaru Kemmuna.
Il-President Coleiro Preca waslet fil-bajja ta’ San Niklaw permezz tal-Patrol Boat P22, tal-Forzi Armati ta’ Malta u ngħatat merħba sabiħa minn dawk preżenti.
Il-President ta’ Malta ltaqgħet mal-maniġment u l-ħaddiema tal-lukanda f’Kemmuna fejn setgħet tara l-ħidma għaddejja mat-turisti u ma’ dawk kollha li jżuru din il-gżira f’dawn il-ġranet tas-Sajf.
Aktar tard il-President Coleiro Preca żaret l-unika erba’ residenti f’Kemmuna.
Il-President daħlet fid-dar ta’ Maria Buttigieg, fejn flimkien ma’ ħutha Evangelista Buttigieg, Anġlu u Salvu Vella tkellmet u qasmet magħhom numru ta’ ħsibijiet.
Salvu Vella spjega kif huwa ħassu onorat li għall-ewwel darba fl-istorja, il-Kap tal-Istat żar lir-residenti ta’ Kemmuna.
Iż-żjara tal-President ta’ Malta intemmet fit-Torri ta’ Santa Marija fejn ġiet milqugħa mill-voluntiera tal-għaqda Din l-Art Ħelwa, li hija responsabbli mill-ħarsien ta’ dan it-torri storiku f’Kemmuna.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca irringrazzjat lil Din l-Art Ħelwa għax-xogħol fejjiedi li qed tagħmel b’risq il-ħarsien ta’ dan il-wirt storiku, li huwa attrazzjoni għal dawk kollha li jiġu jżuru l-gżira ta’ Kemmuna.