F’laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Intern, Cecilia Malmström, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca uriet it-tħassib serju tagħha fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-qasam tal-immigrazzjoni u r-rispons tal-pajjiżi Ewropej għal din it-traġedja umana. Malmström qablet mal-President Coleiro Preca dwar il-bżonn t’aktar koperazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea iżda irrimarkat li l-Unjoni Ewropea qed taħdem bi sħiħ biex tindirizza l-isfidi f’dan il-qasam.
Il-President ta’ Malta spjegat kif il-kunflitti vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-kawżiet ewlenin għall-immigrazzjoni u saħansitra t-traffikar tal-bniedem. Il-President appellat lill-Unjoni Ewropea biex tieħu pożizzjoni aktar b’saħħitha sabiex tindirizza l-kunflitti li qed jinħolqu partikolarment fil-Mediterran u l-kontinent Afrikan. Il-Kummissarju Malmström assigurat lill-President ta’ Malta li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħti l-attenzjoni meħtieġa lil każ ta’ Malta, u li l-Unjoni Ewropea trid iżid l-appoġġ li għandu bżonn pajjiżna fil-qasam tal-immigrazzjoni. Malmström spjegat kif żaret Malta għal tlett darbiet oħra u personalment kienet involuta fir-ri-lokazzjoni ta’ persuni li kienu qed ifittxu l-ażil.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel iżjed biex tħaddem fil-prattika l-valuri intrisiċi tas-solidarjetà. Il-President Coleiro Preca esprimiet ix-xewqa li tara aktar koperazzjoni bejn l-istati membri kollha fl-isfond tal-bżonn tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-protezzjoni tagħhom f’kuntest Ewropew. Spjegat li Malta hija każ speċjali minħabba d-daqs tagħha iżda dan ma jfissirx li pajjiżna għandu jabbdika mir-responsabilità li jsalva l-ħajjiet. Fid-dawl ta’ dan, qalet li hemm bżonn t’aktar attenzjoni u ħarsien għat-tfal mifruda mill-ġenituri tagħhom.
Il-President Coleiro Preca semmiet il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà mwaqqfa f’Ġunju li għadda u li se tkun ta’ pjattaforma biex tqajjem l-għarfien u l-kuxjenza dwar il-multi-kulturaliżmu u d-djalogu inter-reliġjuż u dak inter-kulturali fostna. Semmiet wkoll kif din il-Presidenza ġabret lill-istakeholders kollha f’dan il-qasam fejn iltaqgħu mal-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM). Sostniet li r-relazzjonijiet ma’ dawn iż-żewġ organizazzjonijiet għandhom jibqgħu tajbin fl-isfond tal-iskambji ta’ ideat li qed isiru biex tiġi indirizzata l-ħidma umanitarja. F’Ottubru li ġej se jkun ippubblikat ir-rapport tad-delegazzjoni teknika tal-IOM u l-UNHCR li ltaqgħet fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’April li għadda.