Il-President ta’ Malta tattendi għal attività ta’ karità b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund

L-aħħar impenn tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġewwa l-Awstralja kienet attività organizzata minn grupp ta’ dixxendenti Maltin ġewwa Melbourne. Din l-attività ġiet organizzata bil-għan li titlaqqa’ l-komunità Maltija ta’ Melbourne u jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

 

Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil dawk kollha li attendew għal din l-attività u lil dawk li kienu involuti fl-organizzazzjoni tal-istess attività, filwaqt li ħeġġithom biex din l-attività tkun l-ewwel waħda minn serje ta’ attivitajiet li bihom il-komunità Maltija tkun tista’ toffri l-appoġġ tagħha lil dawk ħuthom Maltin u Għawdxin fil-bżonn. Il-President qalet ukoll li attività bħal din tfisser ħafna għaliha u għall-Bord tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

 

“Din l-attività tfisser ukoll li l-ewwel komunità Maltija ġewwa l-Awstralja ma nisslitx biss imħabba għall-identità Maltija u għal Malta, imma wkoll nisslet fil-ġenerazzjonijiet ta’ warajha, li-valuri li jiddistingwuna bħala Maltin, li filwaqt li qegħdin nieħdu gost u nifirħu flimkien bħala familja waħda, ukoll qed naħsbu f’ħaddieħor li ma jistax jifraħ bħalna, u għaldaqstant illejla qed jinġabru flus għall-Malta Community Chest Fund Foundation”, tenniet il-President Coleiro Preca.

 

Jakkumpanja lill-President għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera.