Fil-Belġju l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Edgar Preca attendew għall-kommemorazzjoni li fakkret il-mitt anniversarju mill-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Iċ-ċerimonja saret fl-Allies Memorial ta’ Cointe fil-belt ta’ Liege, fejn mitt sena ilu faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija li ħalliet madwar 16-il miljun persuna mejta.
Fost il-kapijiet ta’ stati oħra li attendew kien hemm ir-Re Philippe tal-Belġju, il-President tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja Joachim Gauck u l-President ta’ Franza Francois Hollande. Id-dinjitarji, fosthom il-President ta’ Malta, esprimew il-ħtieġa li madwar id-dinja jsaltan il-paċi u spjegaw kif l-Ewropa ma tistax ma ssemmax leħinha quddiem l-instabbiltà u l-kunflitt fl-Ukrajna u fl-Lvant Nofsani, b’mod partikolari dak li qed jiġri fil-medda ta’ Gaża.
Iċ-ċerimonja f’Liege intemmet meta tifla għolliet bużżieqa bajda, simbolu tal-paċi, flimkien ma’ bżieżaq oħra bil-kuluri tal-pajjiżi li kienu rappreżentati f’din iċ-ċerimonja fosthom il-kuluri tal-bandiera Maltija, bajda u ħamra.
Sadanittant it-Tnejn filgħaxija flimkien mal-Ambaxxatur Malti għall-Belġju Ray Azzopardi, il-President Coleiro Preca u s-Sur Preca żaru Dar Malta fi Brussell fejn iltaqgħu mal-komunità Maltija fil-Belġju.
Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Bank Ċentrali ta’ Malta stampa l-ewwel muniti tal-ħames Ewro u għaxar Ewro. Il-muniti huma disinn tal-artist Malti Noel Galea Bason.
Id-disinn fuq iż-żewġ muniti huwa l-istess, l-infermiera Maltija ddewwi suldat ferut fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Jidher ukoll suldat tal-Ewwel Gwerra Dinjija li qed isellem, bil-bajjunetta tiegħu tħares ’l isfel lejn l-art, kif ukoll il-peprina li hija l-fjura li tfakkar il-vittmi tal-gwerra.
Aktar kmieni din is-sena l-Ambaxxatur Ray Azzopardi żar iz-Zekka Rjali tal-Belġju (Monnaie Royale De Belgique) sabiex fil-preżenza tal-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju Koen Geens flimkien mal-Kummissarju Ad Interim taz-Zekka Rjali Belġjana Bernard Gillard assissta għall-istampar ta’ dawn l-ewwel muniti.
L-Ambaxxatur Ray Azzopardi f’isem il-Gvernatur u l-Bord tad-diretturi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u f’isem Malta, radd ħajr liċ-Chairman, il-Bord tad-Diretturi u l-ħaddiema ta’ Monnaie Royale De Belgique u fisser l-irwol umanitarju importanti li kellha Malta fl-Ewwel Gwerra Dinjija, meta serviet bħala sptar tal-Mediterran.