Il-President ta’ Malta tattendi s-‘7th Global Forum’ organizzat mill-United Nations Alliance of Civilizations

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca bdiet bl-impenji uffiċjali tagħha marbuta mas-seba’ forum globali tal-Alleanza taċ-Ċiviltajiet tal-Ġnus Magħquda, f’Baku, l-Azerbajġan. Wara li attendiet is-sessjoni tal-ftuħ, il-President Coleiro Preca kellha laqgħa bilaterali mal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdoğan.

 

Waqt din il-laqgħa Erdoğan faħħr lil Malta u r-relazzjoni tajba li Malta għandha mat-Turkija. Erdoğan wera x-xewqa li dawn ir-relazzjonijiet jissaħħu, u stieden lill-President ta’ Malta għal żjara Statali fit-Turkija. Min-naħa tagħha l-President Coleiro Preca kellha kliem ta’ tifħir għad-diskors tal-President Tork b’risq il-paċi fir-reġjun tal-Mediterran u lil hinn. Il-President uriet is-sogħba tagħha għat-telf ta’ ħajjiet minħabba l-attakki terroristiċi, u ħeġġet lill-President Tork biex iż-żewġ pajjiżi jaħdmu flimkien għal paċi u kooperazzjoni fir-reġjun, b’risq il-familji u l-popli tagħna.

 

Il-President Coleiro Preca kellha wkoll laqgħa bilaterali mal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev li waqtha ż-żewġ presidenti tkellmu fuq il-possibilità li Malta tkun ta’ sostenn biex jissaħħu r-relazzjonijiet tal-Ażerbajġan mal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-laqgħa ta’ Federica Mogherini dwarframework bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan.

 

Matul din iż-żjara il-President Marie-Louise Coleiro Preca qed tiġi akkumpanjata mill-Ambaxxatur Malti għall-Ażerbajġan, John Debono.