Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tinsab Dubai fejn qed tmexxi delegazzjoni kummerċjali li fost l-oħrajn se tkun qed tipparteċipa f’CityScape Global Expo, liema Expo ġiet miftuħa uffiċjalment mill-President Coleiro Preca u Sheikh Hamdan bin Mohammed Al Maktoum, il-Prinċep ta’ Dubai.
Waqt laqgħa li kellhom qabel il-ftuħ tal-Expo, il-President Coleiro Preca u l-Prinċep ta’ Dubai tkellmu fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda, anke fuq livell ta’ ħbiberija bejn in-nies taż-żewġ pajjiżi.
Il-President żaret ukoll il-padiljun ta’ Malta, ġewwa l-Expo, li qiegħed jiġi kkordinat minn Property Malta, fejn irringrazzjat lill-esebituri tal-viżibilità li qed jagħtu lil Malta.
Intant, il-President kellha wkoll żewġ laqgħat ma’ rappreżentanti għoljin tal-linja tal-ajru Emirates, Sheikh Ahmed bin Saeed Al Maktoum, Kap Eżekuttiv, u Sir Timothy Clark, President. Waqt din il-laqgħa, li għaliha attenda wkoll is-Sur Charles Mangion, Chairman tal-Air Malta, ġie mħabbar li Emirates u Air Malta mix-xitwa li ġejja se jidħlu f’code-sharing agreement.
Il-President tenniet li dan il-pass huwa prova tar-rieda li Malta u l-Emirati Għarab Magħquda għandhom sabiex ikomplu jiżviluppaw il-konnettività ta’ bejniethom, ħaġa li se tkun ta’ benefiċċju mhux biss għas-settur tat-turiżmu, iżda anke għas-settur tan-negozju.
Il-President Coleiro Preca tinsab akkumpanjata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius, iċ-Chairman ta’ Property Malta Sandro Chetcuti, u l-Konslu Ġenerali Anthony Tabone.
L-impenji tal-President jissoktaw illejla hekk kif il-President se tkun qed tindirizza il-komunità Maltija ġewwa Dubai, fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali ta’ Malta, filwaqt li għada, il-President Coleiro Preca tindirizza Business Forum li għalih ser jattendu imprendituri minn Malta u mill-Emirati Għarab Magħquda.