Il-President ta’ Malta tiftaħ il-Konferenza tal-Malta Model United Nations Society

Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru 2015, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġiet mistiedna tagħmel diskors waqt il-ftuħ tal-Konferenza intitolata ‘Lives Adrift: Fighting the exploitation of irregular immigrants’.

Waqt dan id-diskors, il-President saħqet li bħala pajjiż demokratiku, aħna suppost lkoll nemmnu li d-drittijiet tal-immigranti huma parti integrali mid-drittijiet tal-bniedem kif mistqarr fil-konvenzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet umani, u kif inhu elenkat f’għadd ta’ regolamenti tal-Unjoni Ewropea li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem.

Il-President ta’ Malta ħabbret ukoll li se tkun qiegħda tindirizza is-summit tal-Ġnus Magħquda dwar il-miri għall-iżvilupp sostenibbli li ser ikunu stabbiliti għall-pajjiżi tad-dinja, biex jitlaħqu sas-sena 2030.

Hija qalet ukoll li jeħtieġ li nimpenjaw ruħna bis-sħiħ biex mill-kliem naslu għall-fatti immedjati u konkreti flimkien ma’ dawn il-komunitajiet.

Il-konferenza ser iddum għaddejja għal tliet ijiem, hija inizjattiva konġunta tal-Malta Model United Nations Society flimkien mal-Junior Chamber of Advocates, bl-għajnuna tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta u l-Fondazzjoni Valletta 2018.

Preżenti għall-ftuħ ta’ din il-laqgħa kien hemm Dr Francis Zammit Dimech u l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta, Gina Abercrombie-Winstanley.

Il-filmat tad-diskors kollu jista’ jiġi segwit hawn taħt: