Il-President ta’ Malta tiftaħ uffiċjalment ‘The President’s Secret Garden Children’s Hub’

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu fetħet uffiċjalment il-bibien ta’‘The President’s Secret Garden’,  proġett li huwa parti miċ-‘Children’s Hub’ immirat għat-tfal ta’ kull età organizzat mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. Għall-okkażjoni tal-lum, il-President għaqqdet dan il-ftuħ mal-Jum Dinji tal-Ktieb biex b’hekk, iktar tfal jitrawwmu fil-kotba u fil-qari.

 ​Fil-ġnien privat tal-President mijiet ta’ tfal u ġentiuri tagħhom attendew bi ħġarhom għall-attivitajiet informali u edukattivi fosthom qari ta’ stejjer lit-tfal f’diversi rkejjen tal-ġnien u attivitajiet oħra li jedukaw u jferrħu lit-tfal.

 Il-President spjegat kif dan il-proġett qed isir wara li fis-Sajf beda l-proġett ‘Bravi’, programm li jimmira biex jiżra’ messaġġi pożittivi fit-tfal.  Wara li dan il-proġett kien ta’ suċċess, il-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-soċjetà ġabet b’kollox ħames programmi edukattivi tat-tfal, fejn b’mod informali jingħata spazju biex it-tfal jesprimu ruħhom u jimirħu fil-ħiliet tagħhom. 

 Il-President spjegat kif ‘The President’s Secret Garden’ qed iseħħ wara sensiela twila ta’ konsultazzjoni mat-tfal li talbu għal iktar spazji miftuħa fejn jilgħabu u jimirħu fil-kreattività tagħhom.

 ‘The President’s Secret Garden’ beda joffri ħames programmi varji lil tfal ta’ kull età.  Il-proġetti huma ‘Bravi’, proġett li jiżra’ messaġġi pożittivi fit-tfal; il-proġett ‘Aqra Miegħi’ li jiżra’ l-imħabba tal-qari tal-kotba fit-tfal; il-proġett ‘Fonzu l-Fenek’ li jimmotiva lit-tfal biex jieklu iktar ħaxix u frott; il-proġett ‘Arti u Krafts’, u l-proġetti ta’ żfin kreattiv fejn biż-żfin, it-tfal jitgħallmu jesprimu ruħhom.