Il-President ta’ Malta tniedi l-Jum ta’ Osservanza Nazzjonali għall-Persuni Coeliac

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu nediet il-Jum tal-Osservanza Nazzjonali għal persuni Coeliac.  Din hija l-ewwel darba li qatt ġie mniedi dan il-jum ta’ osservanza fid-dinja. Il-President nediet dan il-jum waqt konferenza unika organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. 
Waqt din il-konferenza fil-Palazz il-Belt Valletta,  li għaliha ġie mistieden espert dinji fuq il-kundizzjoni Coeliac, il-Professur Stefano Guandalini u għadd ta’ tobba Maltin, il-President żvelat kif f’pajjiżna għandna mal-1,500 ruħ irreġistrati bħala coeliac. Minkejja din iċ-ċifra, fir-realtà   huwa stmat li hemm numru kbir ta’ nies li huma coeliac u lanqas huma ma jafu għax qatt ma ġew identifikati.
Il-kundizzjoni Coeliac hija kundizzjoni li ħafna drabi ma tingħarafx mil-ewwel, jew tiġi mfixkla ma’ numru ta’ kundizzjonijiet oħrajn, għalhekk hawn ħafna nies li jibqgħu ibatu s-sintomi għal tul ta’ żmien, bla bżonn.
Il-President saħqet li minħabba din ir-raġuni, hemm bżonn li jkun hawn aktar għarfien dwar x’inhi l-kundizzjoni, x’inhuma s-sintomi tagħha, meta persuna għandha tmur għand it-tabib tagħha, u ħafna informazzjoni oħra, li tkun ta’ għajnuna għal kull minn ikun għaddej minnha.
Meta persuna tiġi diagnosed bħala coeliac, mhix l-aħħar tad-dinja.  Jeħtieġ li kull minn jingħata din l-aħbar, jagħmel kuraġġ però jrid ifttex u jsib dak kollhu li għandu bżonn biex jgħix ħajja tajba, minkejja l-kundizzjoni li jkollu.

Il-President appellat dwar il-bżonn li jittellgħu kampanji informattivi li jilħqu lil kullħadd u li jieħdu forom li jifhem kullħadd.