Il-President ta’ Malta żżur bastiment tal-‘Migrant Offshore Aid Station’

Illum il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret l-MY Phoenix, bastiment tas-salvataġġ operat mill-Migrant Offshore Aid Station (MOAS). Il-President ġiet milqugħa mill-fundaturi tal-MOAS, Christopher u Regina Catrambone, u ddawret mal-bastiment kollu. Matul din iż-żjara, il-President ingħatat rendikont tax-xogħol li jsir mill-MOAS fl-ibħra tal-Mediterran waqt l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ u ġiet murija wkoll il-faċilitajiet li toffri l-MY Phoenix.

 

“Inħossni xxurtjata li ngħatajt l-opportunità li nara b’għajnejja dan il-bastiment. Nagħti ħajr lil Christopher u lil Regina Catrambone għax-xogħol umanitarju u tal-ħajjiet li salvaw sa mit-twaqqif tal-MOAS fl-2013”, qalet il-President.

 

Wara ż-żjara fuq l-MY Phoenix, il-President Coleiro Preca żaret il-Mużew Marittimu u attendiet għal kunċert mill-pjanist Malek Jandali. Il-Mużew Marittimu bħalissa qiegħed jospita l-MOAS X CHANGE, li huwa forum fuq l-isfidi tal-immigrazzjoni u l-impatt li l-immigrazzjoni tħalli fuq il-kontinent Ewropew.