Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca attendiet għall-mixja organizzata mill-Fondazzjoni Karl Vella f’San Ġiljan.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca faħħret lill-membri ta’ din il-fondazzjoni mwaqqfa fost l-oħrajn mill-armla Rose Vella, ż-żewġ uliedha ċkejknin li minkejja t-telfa kbira li ġarrbu ddeċidew li jkomplu l-missjoni ta’ Karl Vella, li kienet dik li tagħti għajnuna psiko-soċjali u edukattiva lil tfal li l-ġenituri u familjari tagħhom ntlaqtu minn mard serju.
Il-President ta’ Malta qalet li tħossha tant kburija tara din il-firxa kbira ta’ solidarjeta’ u appellat lill-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu għall-istess għan fosthom għal dawk milquta bil-kanċer u mard ieħor serju, biex jiġu flimkien, u filwaqt li jżommu l-identita’ tagħhom, jaħdmu b’iktar koordinament flimkien.
Il-President qalet li din il-mixja ta’ solidarjeta’ tirrifletti l-iskop kollu tal-Istrina ta’ din is-sena, dik ta’ Solidarjeta’ li issa għandha wkoll b’mod iktar b’saħħtu l-enerġija u entużjażmu miż-żgħażagħ li permezz ta’ Solidaritree dawn qed jorganizzaw l-Istrina tagħhom, b’solidarjeta’ ma’ nies fil-bżonn.
Qabel il-mixja, il-President ta’ Malta attendiet quddiesa ta’ radd il-ħajr mill-Fondazzjoni Karl Vella, li ġiet ikkonċelebrata mill-Isqof Awżiljarju ta’ Malta l-Monsinjur Charles Scicluna.
Il-Fondazzjoni Karl Vella twaqqfet ftit tax-xhur ilu wara l-mewt ta’ Karl Vella fi Frar li għadda wara li kien ilu snin jissielet mal-marda tal-kanċer. Il-Fondazzjoni twaqqfet bl-iskop nobbli li tgħin lil tfal li l-ġenituri u familjari għaddejjin minn perjodu ta’ mard serju, u dan sabiex it-tfal ma jaqgħux lura u jingħataw l-appoġġ kollu li għandhom bżonn inkluż dak psiko-soċjali u edukattiv.