Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, flimkien mas-Sur Edgar Preca, ilbieraħ attendiet għas-sitt edizzjoni ta’ Rockestra li rat l-akbar folla ta’ nies minn kemm ilha tiġi organizzata fil-Malta Fairs and Conventions Centre.
Il-President ta’ Malta qalet li tħossha tant kburija li tant nies, fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ, ġew flimkien biex itellgħu waħda mill-aqwa serati ta’ mużika, żfin, kuluri u spettaklu, li mhux biss ferrħu lill-qlub iżda li attiraw l-akbar folla ta’ nies biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund.
Fir-Rockestra ta’ din is-sena ħadu sehem ’il fuq minn mitt artist, madwar ħamsin minnhom kantanti żgħażagħ li fil-maġġoranza tagħhom qatt ma kienu kantaw f’Rockestra qabel. Din is-sena Rockestra għamlet auditions bil-għan li tagħti ċ-ċans lill-kantanti li qatt ma kellhom opportunità jkantaw fi spettaklu ta’ dan il-livell, qabel.
Għal Rockestra ta’ din is-sena inġieb ukoll il-kantant Malti Awstraljan Nicky Bomba.
It-tema ta’ Rockestra ta’ din is-sena kienet Don’t Stop Believing u dan għaliex it-tema hija mnebbħa mill-ispirtu ta’ Rockestra nnifsu li kull sena jibqa’ jgħolli l-livell ta’ spettaklu u jinkoraġġixxi lin-nies li jingħaqdu fil-maġija mużikali li tferraħ il-qlub. Rockestra għandha s-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Sigmund Mifsud, u d-direzzjoni artistika ta’ Pawlu Borg Bonaci.
Għall-ewwel darba Rockestra se terġa’ tittella’ llejla minħabba li l-ewwel serata tal-bieraħ ġiet mibjugħa ftit jiem wara li ħarġu l-biljetti.