Kien hawn li l-President ħabbret li f’Malta għaddej il-proċess biex topera il-Malta Foodbank Foundation u li l-President hija l-Padruna tagħha. Din se taħdem permezz ta’ maħżen u sistema organizzata għall-ġbir ta’ ikel ippakkjat li minflok ma jintrema għax ikun wasal biex jiskadi, jitqassam lil nies fil-bżonn.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ FareShare Lindsay Boswell spjega lill-President kif f’sena jirnexxielhom jiġbru ’il fuq minn ħames tunellati ta’ ikel li jkun se jintrema jew żejjed. Is-Sur Boswell spjega kif FareShare jirnexxielu jagħmel dan s-suċċess grazzi għall-appoġġ ta’ ’l fuq minn elf u ħames mitt voluntier li jagħtu mill-ħin tagħhom biex jorganizzaw l-imħażen u jqassmu l-ikel. FareShare sservi ’l fuq minn tmien mitt għaqda mhix governattiva fir-Renju Unit li jutilizzaw mis-servizz tagħha, u b’dan il-mod l-istess għaqdiet jiffrankaw mat-tlettax-il elf sterlina fis-sena minn xiri ta’ ikel.
Waqt din iż-żjara l-President ta’ Malta rringrazzjat lill-organizzazzjoni FareShare għall-informazzjoni tant utli li se sservi ta’ gwida essenzjali għal meta dan is-servizz jiġi varat f’Malta. Qalet li dan is-servizz f’Malta se jkun qed jgħin biex jindirizza l-ħela ta’ tant ikel li jista’ jintuża u fl-istess ħin dawk li verament għandhom bżonn appoġġ, isibu dan is-servizz li jgħinhom jintrefgħu mill-faqar.