Il-President ta’Malta tniedi l-Informal Carer Award

​Dalgħodu fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet għall-ewwel darba l-Informal Carer Award, inizjattiva li l-Uffiċċju tal-President qiegħed jieħu b’kollaborazzjoni ma’ Caremark Malta.
 
Il-kura informali tirreferi għal kura pprovduta mill-qraba, il-ġirien jew il-ħbieb ta’ persuna, li ssir ukoll mingħajr ebda skop ta’ kumpens. Dan il-premju ser iservi bħala opportunità biex jiġu identifikati, rikonoxxuti, onorati, irringrazzjati u ppremjati l-carers informali tas-soċjetà tagħna.
 
Il-President qalet li l-iskop ewlieni ta’ dan il-premju huwa li titqajjem kuxjenza dwar dan ir-rwol importanti. Hija tenniet dan it-tip ta’ rikonoxximent jgħin mhux biss biex l-informal carers jiġu apprezzati aktar, iżda anki biex is-soċjetà tagħraf ir-rwol kruċjali u l-kontribut indispensabbli li l-informal carers jagħtu fil-kwiet u mingħajr ebda daqq ta’ trombi.
 
Il-President saħqet li llum il-ġurnata, l-informal carers jista jkollhom rwol aktar wiesa’. Dan għaliex jistgħu jkunu hemm ukoll għal appoġġ emozzjonali, li fl-aħħar mill-aħħar huwa bżonn li għandhom nies dipendenti u anzjani.
 
Fl-aħħar nett, il-President ta’ Malta ħeġġet lil dawk kollha li jafu b’persuni li jieħdu ħsieb lil xi ħadd biex jinnominawhom għal dan il-premju. Hija qalet li jkun sabiħ jekk in-nominazzjonijiet jiġu wkoll mingħand dawk stess li qegħdin jieħdu l-kura.
 
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem is-Sur Edgar Preca li se jkun qed imexxi l-bord tal-għażla ta’ dawk innominati għall-Informal Carer Award.  Is-Sur Preca nnifsu kien informal carer hekk kif għal għadd kbir ta’ snin ħa ħsieb persuna qrib tiegħu li kienet għaddejja minn perjodu ta’ mard. 
 
Tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-anzjani, Robert Cutajar li saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-premju li japprezza persuni li jagħtu ħajjithom biex jieħdu ħsieb persuni fil-bżonn.
 
Indirizza wkoll il-konferenza is-Sur Kenneth De Martino, Chariman ta’ Caremark Malta, liema kumpannija ħarġet bl-idea ta’ dan il-premju, immirat li jiġi organizzat kull sena.
 
L-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu mis-sit www.wordpress-262414-816105.cloudwaysapps.com, u dawn iridu jintbagħtu mimlijin bil-posta lill-Kumitat tal-Għażla tal-Informal Carer Award, Il-Palazz ta’ Sant’ Anton, Attard sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Mejju 2015. Wara li jinġabru n-nominazzjonijiet, kumitat tal-għażla li twaqqaf apposta se jagħżel rebbieħ li se jingħata trofew flimkien ma’ vawċer li jissarraf f’kura ġentilment offrut minn Caremark Malta. Il-kumitat tal-għażla ser ikun immexxi mir-raġel tal-President, is-Sur Edgar Preca, li bħala persuna li hu nnifsu kien informal carer huwa l-aktar persuna valida biex verament jifhem dak kollu li jgħaddu minnu dawn in-nies.