Il-President Marie-Louise Coleiro Preca appellat lill-counsellors u lis-settur akkademiku biex jinvolvu ruħhom aktar mill-viċin mal-kommunitajiet tal-immigranti li jinsabu f’pajjiżna.
F’diskors waqt seminar bit-tema ‘Crossing Borders: Counselling and the Challenges of Migration’, il-President sostniet li meta nitkellmu dwar l-immigrazzjoni nitkellmu ħafna dwar l-aspett estern fejn nirreferu għat-tbatijiet li jgħaddu minnhom l-immigranti, madankollu ma nistgħux inħallu barra l-esperjenza interna tal-vjaġġ li jgħaddu minnu dawn l-immigranti.
Spjegat kif il-professjonisti għandhom jħossuhom priveliġjati li l-immigranti qed jaqsmu din l-esperjenza li nistgħu nitgħallmu ħafna minna kif nittamaw li l-immigranti jieħdu mill-esperjenzi tagħna.
Il-President tkellmet ukoll dwar l-ospitalità li l-poplu Malti huwa magħruf għaliha u sostniet li dan hu valur universali li bħala poplu għandna nestenduh ma’ min għandu bżonn il-protezzjoni.
Fl-indirizz tagħha, l-President semmiet it-tfal tal-immigranti li m’humiex akkumpanjati jew separati mill-ġenituri tagħhom li ta’ età żgħira jgħaddu minn episodji diffiċli għalihom.
Spejagt kif it-tfal jibqgħu tfal, huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin u għalhekk għandna responsabilità akbar fil-konfront tagħhom għaliex mhux biss irridu nassiguraw li jkollhom futur aħjar iżda rridu nħalluhom jgħixu t-tfulija tagħhom.
Hija faħħret il-mod kif waqt dan is-seminar se tiġi diskussa s-saħħa mentali fil-qasam tal-immigrazzjoni.
Awgurat li jinstabu modi effettivi kif tiġi indirizzata l-problema tas-saħħa mentali tal-immigranti, b’mod partikolari dawk li qed ifittxu l-ażil f’Malta.
Il-President Coleiro Preca temmet isostni li l-Presidenza qed tħares ‘l quddiem li taħdem flimkien mas-settur akkademiku u l-professjonisti biex tinbena soċjetà inklussiva.