Hu d-dritt tat-tfal li jinstemgħu fi spazji safe fejn jaqsmu l-esperjenzi u l-aspirazzjonijiet tagħhom, qalet il-President ta’ Malta f’filmat waqt it-tnedija tal-Politika Nazzjonali għat-Tfal mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal.
Il-President qalet li t-tnedija ta’ din il-politika nazzjonali għat-tfal hi l-ewwel pass, “għax irridu nkomplu niżviluppaw il-politika, il-prattiċi tajbin u l-leġiżlazzjoni biex nassiguraw li l-aċċess tat-tfal għall-ġustizzja jkun effettiv billi nsaħħu l-proċessi fejn it-tfal jipparteċipaw”.
Il-President żiedet li permezz ta’ din il-politika nazzjonali se jingħata messaġġ qawwi lil kulħadd f’pajjiżna li rridu nwaqqfu kull xorta ta’ diskriminazzjoni u ta’ abbuż kontra t-tfal – huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin.
Flimkien ma’ fatturi oħrajn, inklużi l-faqar u l-vjolenza, id-diskriminazzjoni hi l-kawża ewlenija fejn it-tfal jitwarrbu fil-ġenb tas-soċjetà.
Qalet li d-diskriminazzjoni tesponi lit-tfal għall-ksur tad-drittijiet tagħhom u minħabba f’hekk temmen li l-Politika Nazzjonali għat-Tfal se tkun l-għodda biex timplimenta l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal.
“Fost l-akbar għodda li t-tfal Maltin jista’ jkollhom biex jaċċessaw id-drittijiet tagħhom hemm id-dritt li jiġu mismugħin u mogħtija r-rispett u d-dinjità li jixirqulhom”, qalet il-President.
Meta jiġu implimentati effettivament id-drittijiet tat-tfal inkunu qed insaħħu d-demokrazija u d-drittijiet umani għax id-drittijiet tat-tfal huma drittijiet umani, spjegat il-President, filwaqt li żiedet li temmen li biex inkunu nistgħu nindirizzaw it-tħassib tat-tfal dwar id-diskriminazzjoni, jeħtieġ li uliedna jkollhom aċċess mistħoqq għall-ġustizzja.
Il-President qalet li biex dan iseħħ, mal-Politika Nazzjonali għat-Tfal irid ikun hemm ukoll leġiżlazzjoni meħtieġa li tħares id-drittijiet tat-tfal u kwalunkwi policy u leġiżlazzjoni maħsubin għat-tfal iridu jkunu mifhuma minnhom u aċċessibbli għalihom.
Fil-messaġġ tagħha l-President Coleiro Preca qalet ukoll li l-aċċess għall-ġustizzja mhux sempliċiment dritt tal-bniedem jew tat-tfal iżda hu mezz li permezz tiegħu jinkisbu d-drittijiet kollha l-oħrajn li huma tagħhom bi dritt.
“L-enfasi tiegħi dwar il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni għat-tfal li tkun kumplimentata bil-politika għat-tfal hi biex id-drittijiet tat-tfal ma jibqgħux biss wegħda. Jeħtieġ li nippromwovu l-modi ta’ kif jiġu infurzati d-drittijiet tagħhom”, insistiet il-President.
Fl-aħħar nett il-President tenniet li t-tfal iridu jkunu kapaċi jifhmu, jużaw u fuq kollox jafdaw is-sistemi legali u l-prattiċi li għandhom jipproteġu u jiffaċilitaw id-drittijiet tagħhom. Qalet li t-tfal iridu jkunu konxji li l-proċess hu accountable, effettiv u trasparenti biex ikun tassew jixraq lilhom, li jkun afdat minnhom u li jaqdi l-bżonnijiet tagħhom.
“Hu għalhekk li wara dan il-pass qed inħares ’il quddiem għal aktar passi li jġibu fis-seħħ il-leġiżlazzjoni li ssaħħaħ il-policies”, ikkonkludiet il-President.