Il-President tibda bl-impenji ġewwa l-Ġordan

Il-President ta’ Malta tinsab ġewwa Amman fil-Ġordan, fejn ġiet mistiedna biex tindirizza l-Global Summit tal-Women in Parliament.

Qabel m’attendiet għall-ftuħ uffiċċjali tas-summit, il-President Coleiro Preca kellha taħdidiet informali ma’ għadd ta’ mexxejja u membri Parlamentari nisa minn madwar id-dinja, fosthom il-President tal-Litwanja Dalia Grybauskaite, li hija wkoll iċ-chairperson tal-Council of World Women Leaders, li l-President Coleiro Preca ġiet maħtura membru tiegħu.  Iltaqgħet ukoll mal-eks President tal-Kosovo, Atifete Jahjaga, mal-Ministru tas-Solidarjeta’ Nazzjonali, l-Familja u l-Affarijiet tan-Nisa tal-Alġerija, Mounia Meslem; u mal-eks Prim Ministri tal-Islovakkja, tal-Bermuda, u tal-Finlandja.

Il-President Coleiro Preca iltaqgħet mar-Re Abdullah II Bin Al-Hussein, Re tal-Ġordan. Waqt din il-laqgħa, il-President u r-Re iddiskutew bosta temi attwali dwar is-sitwazzjoni tal-konflitti fir-reġjun tal-Mediterran u l-Lvant Nofsani, kif ukoll il-kriżi ta’ l-immigrazzjoni.  Iż-żewġ kapijiet  ta’ stat tkellmu wkoll dwar inizjattivi għall-paċi, kif ukoll dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi.

L-impenji tal-President Coleiro Preca ikomplu għada fejn ser tindirizza sessjoni Plenarja waqt is-Summit filwaqt li ser ikollha laqgħat ma’ għadd ta’ entitajiet u għaqdiet mhux governattivi. Il-President ser iżżur ukoll il-kamp tar-refuġjati ta’ Zaatari.