Il-President tiffirma l-liġi ta’ l-embrijuni b’lejalta’ biss lejn il-Kostituzzjoni

Matul dawn l-aħħar ġimgħat l-emendi proposti għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun qanqlu dibattitu nazzjonali.

Napprezza b’qalbi kollha l-kontribut li s-soċjeta’ ċivili tat f’dawn id-diskusssjonijiet u nifhem it-tħassib ta’ xi wħud minnhom, dwar diversi kwistjonijiet etiċi, morali, soċjali, psikoloġici u legali.

Jien ukoll nifhem, bl-aktar mod sħiħ u nempatizza mal-weġgħat ta’ tant koppji li ma jistax jkollhom ulied u li jixtiequ jsiru ġenituri bit-teknika ta’ prokrejazzjoni assistita, li toffri l-mediċina ta’ illum, u nifhem ix-xewqa leġittima tagħhom li jingħataw għajnuna sħiħa u sapport kontinwu mis-soċjeta’ kollha.

Issa li l-emendi proposti għaddew mill-proċess demokratiku u ġew approvati b’vot finali fil-Parlament, il-liġi intbagħtet quddiemi biex niffirmaha.

Wara li ħadt diversi pariri etiċi, morali u legali minn persuni kompetenti, u wara proċess twil ta’ riflessjoni u dixxerniment, jiena wasalt fil-kuxjenza tiegħi għad-deċiżjoni li niffirma dan l-Att.

Irrid nagħmilha ċara li din id-deċiżjoni mhix kompromess etiku mal-fehmiet sodi tiegħi u mal-valuri personali tiegħi dwar il-ħajja umana, il-familja u l-ġid sħiħ tat-tarbija mnissla.

Qed niffirma dan l-Att kif ġie ppreżentat lili mill-Gvern u dan qed nagħmlu biss b’rispett sħiħ u b’lejalta’ lejn il-proċess demokratiku ta’ pajjiżna u l-Kostituzzjoni, li ma jagħtinix setgħat leġislattivi, ħlief  li niffirma l-liġijiet wara li jkunu ġew approvati  mill-Parlament.  Aktar minn hekk, jiena marbuta bil-Kostituzzjoni li naġixxi fuq il-parir tal-Gvern tal-ġurnata jew ta’ Ministru tal-Gvern u fil-kaz ta’ abbozzi ta’ l-liġijiet approvati mill-Parlament, jiena obbligata li niffirmahom mingħajr dewmien.

Kif intqal f’sezzjoni tal-media, stajt għażilt li ma nkunx fil-pajjiż meta l-abbozz kien fit-tielet qari, iżda jien qatt ma kont persuna li naħrab mir-responsabilitajiet u dmirijiet bħala President ta’ Malta, u m’inix se nagħmel hekk issa.

Jiena nibqa’ nemmen li d-dinjita’ umana u l-integrita’ fiżika ta’ kull bniedem għandhom jiġu rispettati u mħarsa mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.

Kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, m’għandu qatt jiġi wżat bħala oġġett jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod normali.  L-isfida tas-soċjeta’ tagħna hija li tkompli tipproteġi lil kull min huwa dgħajjef, inkluż l-embrijun.

Il-fibra morali ta’ l-Istat Malti titmermer jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha.

Din l-istqarrija qed tintbagħat lil Parlament skond l-Standing Order 184 li jipprovdi li lPresident jikkomunika mal-Kamra tar-Rappreżentanti permezz ta’ Ministru.