Il-President tippresedi t-tnedija ta’ dokument ta’ riċerka ppubblikat mill-Fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’ intitolat ‘Locked Out: The Families of the Incarcerated’

Dalgħodu, fil-Palazz Verdala, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet it-tnedija ta’ dokument ta’ riċerka ppubblikat mill-Fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’.

 

Fid-diskors tagħha, il-President tkelmet fuq il-fatt li din ir-riċerka tagħti ħarsa, għall-ewwel darba, lejn l-esperjenzi tat-tfal u tal-familji tal-priġunieri. Ir-riċerka tesplora l-implikazzjonijiet kollha tal-priġunerija bħala mezz u bħala sistema, u kif dawn jaffettwaw il-kwistjonijiet tat-trobbija, l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet, u l-mod kif in-nies jinteraġixxu kemm fil-komunitajiet u kemm fis-soċjetà.

 

Il-President tkelmet fuq kif, minn meta fl-2014 hi indirizzat konferenza ta’ ‘Children of Prisoners Europe’, ġewwa Stokkolma, hi, flimkien ma’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam, bdew jaħdmu biex iżidu l-għarfien fuq dan l-aspett, filwaqt li pproponew lill-awtoritajiet biex jiġi mwaqqaf ‘Family Rehabilitation Unit’ fil-ħabs għall-benefiċċju tal-priġunieri u tat-tfal u l-familji tagħhom.

 

“Din ir-riċerka tagħti vuċi tant bżonjuża lil dawk il-familji li, s’issa, qatt ma ġew mismugħa. Permezz ta’ dan ir-rapport, nistgħu nifhmu t-tħassib u l-anzjetà tagħhom kif ukoll it-tamiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Ir-riċerka turi li l-esperjenza li jkollok xi ħadd mill-familja fil-ħabs taf tbiddillek ħajtek u tista’ toħloq inċertezzi serji, trawmatici u inkwetanti dwar il-futur”, qalet il-President.

 

Hi tenniet li punt li laqatha partikolarment fir-riċerka ‘u li jistħoqqlu aktar analiżi’ huwa l-fatt li l-individwi li ġew intervistati kollha jiddeskrivu, b’modi differenti, il-bżonn ta’ fejqan fil-familji tagħhom. Madanakollu, ħadd qatt mill-persuni involuti fl-intervisti ma ġie offrut, jew irċieva, kura terapewtika: “Dawn persuni li weġġgħu, batew, inkwetaw waħidhom”.

 

Filwaqt li kkwotat esperjenzi mir-riċerka stess, il-President qalet li minn dawn l-esperjenzi joħroġ ċar in-nuqqas ta’ servizzi ta’ rijabilitazzjoni għat-tfal u l-familja, fejn per eżempju tifla li tħalliet waħidha, kellha tagħmilha tal-carer t’ommha u ta’ missiera: “Ma avviċinaha ħadd u ma ħa ħsiebha ħadd, ħasset l-esklużjoni, tgħallmet tkun suspettuża u ma tafda lil ħadd. Għexet bla tfulija u żgħożija”.

 

“Minn din l-esperjenza joħroġ aktar kemm jeħtieġ li naħdmu flimkien biex nassiguraw li dan ma jibqax il-każ. Irridu noħolqu soċjetà fejn it-tħassib dwar is-saħħa mentali tal-familjari ta’ persuni fil-ħabs, speċjalment tal-irġiel, in-nisa u t-tfal tagħhom, ikun prijorità ewlenija”, kompliet tgħid il-President.

 

Il-President appellat biex is-sistema ta’ ġustizzja tagħna tkun kapaċi tindirizza b’mod ħolistiku r-realtajiet li toħloq il-ħajja fil-ħabs, mhux biss għall-ħabsin, iżda wkoll għat-tfal u għall-familji u għall-komunitajiet tagħhom.

 

“Jeħtieġ li  nissapportjaw din il-bidla soċjali, legali u kulturali fis-sistema ta’ korrezzjoni tagħna, ’il bogħod mill-kastig u lejn ir-rijabilitazzjoni.

 

Jeħtieġ li noħolqu komunitajiet ta’ support, fejn l-għodod terapewtiċi neċessarji għall-ħabsin u l-familji tagħhom ikunu disponibbli faċilment.

 

Jeħtieġ li nkunu aktar attivi biex insejħu għal bidliet bħal dawn, billi nżommu f’moħħna li jekk familji sħaħ ma jkunux jistgħu jsibu fejqan b’mod effettiv matul iż-żmien li membru tagħhom ikun fil-ħabs, allura tkun qed issir ħsara lil komunitajiet sħaħ u lill-istess soċjetà tagħna inġenerali.

 

Bla dubju sabiex niksbu dawn il-bidliet irridu naħdmu flimkien”.

 

Il-President temmen li jridu jiġu mrawmin sinerġiji b’saħħithom bejn it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva, id-dipartimenti tagħha, il-priġunieri u l-familji tagħhom, filwaqt li żiedet li l-involviment tal-gvern u tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex niksbu policies u protokoll li jkunu aktar favur il-familji.

 

“Dawn il-policies iridu jieħdu in konsiderazzjoni, u jinkorporaw fil-liġi u l-prattika nazzjonali, id-drittijiet tat-tfal kif stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Sfortunatament, ta’ spiss ikunu t-tfal tal-ħabsin li jsofru l-aktar minn tbatija għal tul ta’ żmien.  Dawn it-tfal ghandhom l-istess drittijiet bħal tfal oħra. Jeħtieġ li ma nkomplux ninjoraw dan il-grupp vulnerabbli tat-tfal f’pajjiżna. Jeħtieġ li naħdmu aktar qribhom u magħhom biex nassigurawlhom tfulija bħal ta’ sħabhom.”

 

Il-President qalet li ma nistgħux nħallu t-tfal iħallsu l-prezz għall-iżbalji tal-ġenituri tagħhom fil-ħabs, bir-riskju li dawn ibatu minn disturbi psikoloġiċi, prekarjat ekonomiku u esklużjoni soċjali, u r-riskju li ma jkollhomx alternattiva ħlief li jirrepetu l-iżbalji tal-ġenituri.

 

Il-President ferħet lil Charlie Azzopardi u Karen Bishop, ir-riċerkaturi ta’ dan il-proġett, u lil George Busuttil li flimkien mat-team tiegħu tal-Fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’ qed ikomplu jaħdmu bis-sħiħ biex jassiguraw il-ġid tal-priġunieri u tal-familji tagħhom.

 

Il-President rringrazzjat ukoll lil Lucy Campbell, Chairperson ta’ Children of Prisoners Europe li ġiet Malta biex tkun preżenti għal din it-tnedija.

 

Fl-aħħarnett, il-President appellat biex ikomplu jiġu żviluppati proċessi ta’ fejqan u riforma, li joħolqu wellbeing fil-ħajjiet tat-tfal u tal-familji u tal-komunitajiet li missew mas-sistema korrettiva, għall-ġid tas-soċjetà kollha tal-gżejjer Maltin.