Il-Malta Community Chest Fund Foundation ippreżentat magna tat-“trans-magnetic stimulation” biex tintuża fid-Dipartiment tal-Psikjatrija fl-Isptar Mater Dei. “Trans-magnetic stimulation” huwa metodu modern ta’ kif tiġi kkurata‘treatment resistant depression’. B’din id-donazzjoni, il-Fondazzjoni qed tinvesti, sabiex tkun tista tagħti daqqa t’id lill-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali.
Il-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan sar għax il-Fondazzjoni innotat li kienu qed jiżdiedu t-talbiet għall-għajnuna, mingħand persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, li, sfortunatament il-mediċina ma’ tkunx qed tagħmel effett fuq id-dipressjoni tagħhom, u jkollhom jirrikorru għal metodi oħrajn ta’ kura. Hija qalet li dan huwa statement minn naħa tal-MCCFF, fejn il-Fondazzjoni qed turi li jinteressaha ukoll minn dan is-settur b’mod ħolistiku, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kura, iżda wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni.
Il-metodu ta’ kura tat-“trans-magnetic stimulation” jaħdem billi apparat li jipproduċi ‘magnetic field’ jitpoġġa qrib ras il-pazjent. Dan jipproduċi kurrent elettriku żgħir f’dik il-parti tal-moħħ li tkun taħtu. Huwa permezz ta’ dan il-kurrent elettriku, li tingħata l-kura.
Flimkien mal-ECT (Electro Convulsive Therapy), dan il-metodu ta’ kura joffri tama għal min il-kura ta’ mediċini, li is-soltu jintużaw, ma’ tkunx effetiva biżżejjed.